“Jekk tivvota għall-kandidati tal-Partit Nazzjoanlista tkun qed tivvota għalik stess u għall-familja tiegħek”, saħaq il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech f’mass rally f’Dingli Circus, f’Tas-Sliema.
Bernard Grech beda d-diskors tiegħu billi saħaq li Malta qed taffaċċja gvern immexxi minn Prim Ministru li m’għandux sens ta’ stat u dinjità kif titlob il-kariga. Prim Ministru li tant kemm għamel u-turns li ma jafx fejn hu sejjer. Prim Ministru li mhux kapaċi jsolvi l-problemi li qed joħloq huwa stess. Prim Ministru li jrid jikkontrolla kollox għaliex ir-realtà ħarbitlu minn idejh.
Huwa fakkar kif fit-28 ta’ dan ix-xahar l-Eks Prim Ministru Joseph Muscat u l-klikka tiegħu Keith Schembri u Konrad Mizzi ser jaffaċċjaw akkużi fil-Qorti Kriminali ta’ Malta. Persuni li qed iġibu l-għajb fuq il-poplu Malti u Għawdxi. Huwa qal kif il-Prim Ministru Robert Abela għadu jiddefendi lil din il-klikka. Filfatt l-Eks Prim Ministru Joseph Muscat qed jipprova jinfluwenza l-opinjoni pubblika. Għaldaqstant Robert Abela jrid lill-poplu Malti u Għawdxi biex jibqa’ passiv u ma jitkellimx, kif ukoll irid lin-nies ma tindunax li hu stess qed jattakka lill-ġudikatura, ġurnalisti u lil kull min ma jaqbilx miegħu.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista saħaq li fit-8 ta’ Ġunju l-poplu ser jiddeċiedi minn ser jippreżentah fil-Parlament Ewropew. Huwa stieden lin-nies biex jagħżlu nies li għandhom il-kredenzjali li jiddefendu lill-Malta, mhux bħal dawk tal-Partit Laburista li jaqgħu fil-muta meta jaraw isem pajjiżna mmassakrat fil-midja Ewropea u mondjali minħabba l-partit tagħhom stess. Għaldaqstant huwa saħaq li l-poplu għandu jagħżel kandidati li jimxu mal-prinċipji Ewropej. Il-Partit Nazzjonalista dejjem emmen f’dawn il-prinċipji sa minn qabel is-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea.
Bernard Grech sostna kif Robert Abela ħa l-poter u l-fondi tal-Kunsilli Lokali sabiex ikun jista’ jikkontrolla kollox hu stess. L-istess gvern li qed jeqred l-irħula u l-ibliet tagħna permezz ta’ bini bla kontroll u traffiku fost l-oħrajn. Filwaqt li l-Partit Laburista offra moviment, dan ħoloq faċċata tal-kartapesta biex warajha tistaħba klikka li tistgħana hi stess. Għal kuntrarju ta’ dan, il-Partit Nazzjonalista ma jilgħabx mal-futur tal-poplu.
Bernard Grech sellem liż-żgħażagħ u qallhom li din mhux l-Ewropa li jridu li jħossuhom parti minnha. Grech saħaq kif Malta Ewropea tfisser li tgħix ħajja Ewropea f’Malta u mhux li tiġi sfurzat tfittxija f’pajjiż ieħor.
Intant, Bernard Grech fakkar li fl-elezzjonijiet tat-8 ta’ Ġunju għal ftit sekondi l-poter huwa kollu kemm hu f’idejn il-votant sabiex dan juri li ma jridx aktar frodi u inkompetenza. Grech ħeġġeġ lil dawk li għadhom mhux ċerti x’ser jagħmlu bil-vot tagħhom, li jekk ma jivvutawx ikunu qed iħallu d-destin tagħhom f’idejn min qed jittradihom.
//= $special ?>