Lokali

Abela jerġa’ jipprova jqarraq bin-nies wara li qarraq bil-votanti biex jisirqu l-Kunsill tas-Siġġiewi – PN

Il-Partit Laburista qarraq u immanipula bin-nies, uħud minnhom vulnerabbli, biex jipprova jisraq il-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi. Il-Qorti diġà kkonfermat frodi elettorali, tant li talbet biex isir investigazzjoni mill-Pulizija biex ikunu identifikati n-nies li għamlu dan il-qerq u manipulazzjoni.

Wara dan kollu, u bla mistħija ta’ xejn, Robert Abela pprova jattakka lill-Partit Nazzjonalista talli nduna bil-frodi li kien għaddej u ħa azzjoni biex iwaqqaf lill-Partit Laburista milli jkompli jikkommetti frodi elettorali u jkompli jqarraq u jimmanipula bil-votanti li rreġistra fuq din il-binja.

L-unika persuna li hu responsabbli minn persekuzzjoni hu Robert Abela li daħħal lill-votanti fl-inkwiet biex jipprova jisraq il-Kunsill tas-Siġġiewi b’qerq u frodi.

Dan kollu ħareġ minn stqarrija tas-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, Michael Piccinino; u tax-Shadow Minister għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli, il-Pensjonijiet u l-Ġlieda Kontra l-Faqar, Ivan Bartolo.