Il-Prim Ministru Robert Abela kompla b’attakk sistematiku fuq il-Maġistrat Gabriella Vella u agħar minn hekk kompla jimmina xogħol il-Maġistrat billi jnissel dubji qawwijin fil-ħidma tal-Maġistrat Vella b’rabta mal-Inkjesta ta’ Vitals.
It-Tnejn filghodu, Robert Abela kompla bl-insinwazzjonijiet fil-konfront tal-Maġistrat Vella fejn insista b’mod irresponsabbli li t-timing tal-għeluq tal-Inkjesta kien wieħed dubjuż u magħmul biex jinfluwenza eżitu politiku.
Mistoqsi mill-ġurnalisti għalfejn qed jinkwetah daqshekk it-timing tal-inkjesta u mhux il-kontenut… Abela ssokta bl-attakki tiegħu fuq il-Maġistrat.
Minkejja li l-Qorti f’żewġ istanzi sabet li min suppost ħa ħsieb l-interessi tal-familji Maltin u Għawdxin ħadem f’konġura mal-barranin biex isir frodi ta’ mijiet ta’ miljuni ta’ ewro… Abela jinsab inkwetat aktar fuq it-timeline milli fuq il-fatti li hemm fl-Inkjesta.
Filwaqt li fl-aħħar jumejn il-pajjiż sar jaf b’aktar dettalji li jixħtu dell fuq dan l-iskandlu bla ebda preċedent, bit-Times of Malta tirrapporta li allegatament Shaukat Ali fetaħ kumpaniji f’Dubaj lil Keith Schembri u Konrad Mizzi, li saħansitra kien hu li ggwida lil Schembri biex jiftaħ kumapniji l-Panama… u li kien hemm Political Fund jew Slush Fund biex jgħaddi tal-inqas miljun ewro għal interessi politċi… Abela injora dawn ir-rivelazzjonijiet u ironikament, filwaqt li qal li jrid iħalli l-ġudikatura taħdem f’serenità… kompla jixħet dubji fuq xogħol il-Maġistrat Vella.
Minkejja dan kollu, Robert Abela għadu qed jibqa’ jiddefendi lill-Eks Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna u ma huwa qed jara xejn ħażin li għandu Gvernatur tal-Bank Ċentrali akkużat bi frodi.
Erbat ijiem wara li korpi kostitwiti niżlu fit-toroq – fosthom il-UĦM Voice of The Wokers, il-Moviment Graffitti, il-KNŻ u il-KSU jsejħu għar-riżenja ta’ Scicluna – Abela baqa’ jinjorahom u ddefendih b’saħħa.
//= $special ?>