Wara l-aħbar li ħarġet ilbieraħ dwar is-suppost “fond” li kien twaqqaf minn Vitals/Steward u li minnu kienu qed jitħallsu l-politiċi implikati f’dan id-deal skandaluż, illum Steward ħarġet tiċħad dak li ġie rappurtat. Iżda kkonfermat li veru kienet qabbdet lil Accutor għal servizzi ta’ konsulenza.
Steward stess ikkonfermat ukoll li ħallset lil Accutor għal dawn is-servizzi, li skont hi ngħataw għal “perijodu limitat”.
It-Times żvelat kif kien hemm investigazzjoni ffukaw fuq il-fatt li ftit wara li spiċċaw mill-kariga, kemm Joseph Muscat kif ukoll Konrad Mizzi ffirmaw deals ta’ konsulenza marbuta ma’ Accutor. Filwaqt li Keith Schembri huwa wkoll suspettat li bbenefika indirettament mill-“political support fund”.
Ir-rapporti jindikaw li dan il-fond ta’ miljun ewro li nħoloq minn Steward Healthcare huwa suspettat li twaqqaf biex jiġu mgħoddija flus lil Joseph Muscat, Keith Schembri u Konrad Mizzi. Skont is-Sunday Times of Malta – li żvelat dawn il-fatti – il-flus kienu miżmuma minn Accutor AG, il-kumpanija Żvizzera suspettata li ntużat biex għaddew flus li kienu parti mill-ftehim tal-isptarijiet li jinvolvi lil Vitals u Steward.
Steward minn naħa tagħha qed tiċħad, għalkemm spiċċat tattakka lill-Vitals u takkużhom li ħallew djun ta’ €60 miljun.
Il-kumpanija Steward qalet ukoll li huma kienu ngħataw sptarijiet b’faċilitajiet diżastrużi, u binjiet abbandunati li kienu infestati bl-asbestos. Għalkemm din l-istqarrija mkien ma tagħmel referenza għall-miljuni li ngħatat Steward minn flus il-poplu, proprju biex isir l-investiment meħtieġ f’dawn l-isptarijiet.
//= $special ?>