Lokali

“Ejja flimkien ngħixu l-prosperità li tatna l-Unjoni Ewropea” – David Agius

“Jiena nemmen li l-politika tal-Unjoni Ewropja għandha tkun dik li tolqot lill-familji, tfal u anzjani Maltin u Għawdxin.”

Tenna dan il-kandidat għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew David Agius fid-diskors li għamel fir-Rabat. Hu spjega li 20 sena ilu, il-Maltin u l-Għawdxin ivvotaw ‘Iva’ għas-sħubija fl-Unjoni Ewropea sabiex il-ġenerazzjonijiet futuri jgawdu dak kollu li jixirqilhom f’pajjiż twelidhom.

Kien hawn li l-kandidat tal-Partit Nazzjonalista spjega li li kieku ma sseħibniex fl-Unjoni, li kieku ma bbenifikajniex minn numru ta’ fondi u opportunitajiet li ssarrfu biss f’ġid għall-poplu kollu, b’David Agius isemmi l-proġett tal-ilma sostenibbli, is-ship to shore power, flimkien mal-Isptar tal-Onkoloġija f’Malta li saru bis-saħħa tas-sħubija fl-Unjoni Ewropea.

Fid-diskors tiegħu, David Agius spjega li llum pajjiżna għandu bżonn li jagħlaq il-kapitlu tal-korruzzjoni darba għal dejjem, b’Agius tenna li l-Maltin nies ħabrieka u beżlin u huwa għalhekk li dak li qed jiġri bħalissa f’pajjiżna mhux isarraf fl-aħjar sitwazzjoni li jistħoqqlu l-poplu.

Intant, huwa appella liż-żgħażagħ sabiex iħarsu lejn pajjiżna bħala l-futur ta’ pajjiżna, u huwa għalhekk li l-Partit Nazzjonalista jaħdem id f’id maż-żgħażagħ.

David Agius tenni li l-vot tat-8 ta’ Ġunju huwa dak li se jerġa’ jsarraf f’aktar prosperità f’pajjiża bis-saħħa tal-Unjoni Ewropea.