Lokali

Il-Gvern qed jilgħab bil-kliem mal-għalliema – PN

Fi stqarrija ffirmata mix-Shadow Minister għall-Edukazzjoni u s-Snajja Justin Schembri u x-Shadow Minister għas-Settur Marittimu, id-Djalogu Soċjali u l-Ġlieda Kontra l-Għoli tal-Ħajja, Ivan Castillo il-Partit Nazzjonalista spjega kif Robert Abela qed jilgħab bl-edukazzjoni ta’ pajjiżna.

Il-Partit Nazzjonalista jirreferi għall-estratti li ħarġet il-Malta Union of Teachers fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet u li minnhom joħroġ b’mod evidenti li l-Gvern qiegħed jilgħab bil-kliem u mhux jagħti l-fatti kollha. Skont l-MUT, l-estratti li ppubblikat huma l-aħħar proposti li ressaq fuq il-mejda tan-negozjati l-Gvern f’dak imsejjaħ bħala “Comprehensive Document”, u mhumiex bħalma qiegħed jgħid fil-media l-Ministru Clifton Grima u għalhekk qiegħda tinħoloq atmosfera ta’ tensjoni fl-aktar fażi delikata tan-negozjati. Fil-fatt, il-MUT ħabbret li llum nhar l-20 ta’ Mejju tal-2024 kellu jkun il-jum li tippreżenta d-dokument tal-Ftehim lill-membri tagħha, liema Ftehim għadu mhux konkluż u minħabba f’hekk infetħet tilwima industrijali.

Għall-kuntrarju ta’ li qed jgħid il-Ministru tal-Edukazzjoni, sal-lum nafu, li l-għalliema l-ġodda se jingħataw żieda ta’ €3,000 u mhux żieda ta’ €10,000. Dan ifisser li l-għalliema l-ġodda mhux se jkollhom paga ta’ €36,000. Mill-estratti ħareġ ukoll li l-għalliema fis-sekondarja se jiżdidilhom l-ammont ta’ lezzjonijiet, tant li l-proposta tmur kontra l-Istrarteġija Nazzjonali tal-Edukazzjoni li nieda l-Gvern riċenti u li fiha jitkellem b’mod konsistenti dwar l-importanza tal-benesseri tal-għalliema u l-edukaturi.  Huwa mifhum ukoll li l-arretrati se jingħataw minn Jannar tal-2024 u mhux tal-2023; li l-Kapijiet tad-Dipartiment (HODs), il-Kindergarten Educators (KGEs) u l-Learning Support Educators (LSEs) mhux se jingħataw l-allokazzjonijiet finanzjarji jekk għandhom aktar minn 20 sena esperjenza fil-klassi.

Huwa evidenti, li l-Gvern qiegħed jonqos milli jippreżenta lill-għalliema u lill-edukaturi kollha dak li ilu jwiegħed. Il-Partit Nazzjonalista jirrikonoxxi li n-negozjati jinsabu fi stadju avvanzat imma jifhem ukoll li l-pakkett finanzjarju ma jsostnix il-wegħda elettorali ta’ “żieda sostanzjali”. Mill-ġdid, is-settur tal-edukazzjoni jinsab mhedded mill-Gvern li mhux qiegħed juri l-impenn assolut lejn il-professjoni, tant li qiegħed jaffaċċja ultimatum mill-MUT sa tmiem din il-ġimgħa. Għalhekk, il-Partit Nazzjonalista jappella lill-Gvern sabiex jindirizza l-materji li fuqhom mhux jinstab qbil bejnu u l-MUT immedjatament. Fid-dawl li ż-żewġ partijiet jibqgħu ma jaslux għal ftehim, allura l-Ftehim Settorjali jibqa’ inkonkluż xhur wara l-istrajk nazzjonali ta’ Novembru tas-sena li għaddiet.

Il-Partit Nazzjonalista josserva li l-Gvern li hu obbligat jinnegozja u mhux jiddeċiedi minn jeddu għaliex id-drittijiet tal-għalliema u l-edukaturi għandhom ikunu osservati u mogħtija importanza. Din l-attitudni qed tkompli toħloq ansejtà fis-settur li għall-Gvern huwa ballun politiku.

Il-Partit Nazzjonalista jibqa’ jisħaq li n-negozjati ma kellhom qatt itawlu daqstant. Jibqa’ kommess li jiddjaloga u jkun tarka għall-għalliema u l-edukaturi kollha li għandhom ikunu stmati skont il-professjoni tagħhom biex jagħtu l-aħjar edukazzjoni lit-tfal.