Fi stqarrija ffirmata mix- Shadow Ministers Adrian Delia, Ivan Bartolo, Ian Vassallo, Albert Buttigieg u Graziella Galea bħala membri fil-Kumitat Permanenti dwar is-Saħħa u l-Affarijiet Soċjali, il-Partit Nazzjonalista spjega kif minkejja l-kliem sabiħ tiegħu, hu evidenti li għall-Gvern ta’ Robert Abela, il-kura tas-saħħa mentali mhix prijorità.
Il-Partit Nazzjonalista, permezz tal-Membri Parlamentari tiegħu, talab djalogu urġenti dwar is-saħħa mentali u fid-dawl tal-ammont ta’ suwiċidji li qed iseħħu f’pajjiżna. Madankollu, u minkejja li din it-talba saret bħal-lum xahar ilu, id-djalogu dwar dan is-settur sensittiv għadu lanqas biss inbeda.
Wara t-talba tal-Partit Nazzjonalista fl-20 ta’ April li għadda, il-Gvern ippropona data tliet ġimgħat wara t-talba. Madankollu, il-Gvern ippospona l-laqgħa mingħajr ma ta data ġdida.
Filwaqt li l-Partit Nazzjonalista jibqa’ proattiv f’dan is-settur u ħareġ diversi proposti li jindirizzaw dawn l-isfidi fit-tul, għall-benefiċċju tal-pazjenti, il-qraba tagħhom u l-ħaddiema tas-settur, il-Gvern qed jibqa’ jinjora l-urġenza tal-laqgħa u s-sensibbiltà tas-saħħa mentali f’pajjiżna.
//= $special ?>