Il-Prosekutur Ewlieni tal-Qorti Kriminali Internazzjonali f’The Hague, fl-aħħar sigħat, ħa l-inizjattiva biex jitressqu l-mandati ta’ arrest fil-konfront tal-Prim Ministru Iżraeljan Benjamin Netanyahu u t-terrorista ewlieni Yahya Sinwar li jmexxi lill-grupp Ħamas fil-Medda ta’ Gaza.
Intant, Karim Khan , waqt li kien qed japplika għall-mandati, qal li hemm indikazzjonijiet sostanzjali biex wieħed jikkonkludi li Netanyahu u Sinwar it-tnejn għandhom responsabbiltà kriminali għar-reati tal-gwerra kif ukoll għal reati kontra l-umanità.
Ir-reati li qed jirreferi għalihom Khan ilhom għaddejjin mis-7 ta’ Ottubru, meta l-qawwiet Iżraeljani invadew Gaza biex ipattuha lill-Ħamas għall-massakri storiċi ta’ dak ix-xahar f’Iżrael…Massakri li fihom il-gruppi tat-terroristi ma ħafruhiex lill-mijiet tal-irġiel, nisa u tfal qalb il-komunitajiet, fost il-ħtif tal-mijiet tal-ostaġġi.
Jidher li ‘il quddiem jistgħu anki joħorġu mandati ta’ arrest uffiċjali għall-Ministru tad-Difiża Iżraeljan, Yoav Gallant u l-Kap politiku tal-Ħamas, Ismail Haniyeh. Fl-istess ħin, qed jissemma mandat ta’ arrest potenzjali għal Mohammed Deif, li hu l-Kap militari tal-Ħamas.
Il-Qorti ta’ The Hague, fil-fatt, ilha l-aħħar tlett snin tinvestiga l-azzjonijiet tal-Iżraeljani fit-territorji tal-Palestinjani okkupati mir-residenti Lhud u fejn hemm ukoll preżenza sinifikanti ta’ militar.
Intant, l-azzjonijiet qattiela tal-Ħamas, riċentement, ukoll spiċċaw taħt l-iskrutinju metikoluż ta’ din il-Qorti.
Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru Netanyahu qed jiċħad kategorikament li l-azzjonijiet tal-Iżraeljani biex jeliminaw it-theddida tat-terroriżmu minn Gaza jistgħu, b’xi mod, jaqgħu taħt il-kategorija ta’ reat tal-gwerra.
Fl-istess ħin, Netanyahu jemmen li l-prospett li l-Uffiċjali u l-Ministri ewlenin ta’ Iżrael jispiċċaw fuq il-lista tal-kriminali mfittxija minn The Hague għandu jitqies bħala ‘żvilupp ta’ għajb fuq livell storiku’.
Anki Benny Gantz, avversarju politiku kbir ta’ Netanyahu u li jmexxi lill-Kabinett tal-Gwerra ta’ Iżrael, ikkundanna d-deċiżjoni tal-prosekutur f’The Hague. Gantz, permezz ta’ messaġġ fuq il-media soċjali, qal li ‘wieħed ikun qed iqarraq bil-kbir f’sitwazzjoni fejn jiġbed paragun bejn il-mexxejja ta’ pajjiż demokratiku li għandu d-dritt li jiddefendi ruħu kontra t-terrur u l-kapijiet ta’ organizzazzjoni qattiela (Ħamas) li ħsiebha biss biex tikkaġuna l-qerda u d-dmija’.
L-Imħallfin mal-Qorti Kriminali Internazzjonali, issa, iridu jiddeterminaw jekk il-provi quddiemhom humiex biżżejjed biex huma joħorġu tassew il-mandati ta’ arrest uffiċjali fil-konfront tal-imsemmija mexxejja u kapijiet.
Sadanittant, jistgħu jgħaddu l-ġimgħat u anki x-xhur bejn il-perjodu meta l-Prosekutur Ewlieni jitlob mandat ta’ arrest u r-ruling speċifiku dwar il-mandat min-naħa tal-Imħallfin f’The Hague.
//= $special ?>