Lokali Qorti

Il-Qorti tiċħad it-talba tar-Rumanija għall-estradizzjoni ta’ prinċep

Prinċep Rumen mhux se jiġi estradit lejn pajjiżu wara li t-Tnejn ġiet miċħuda talba mill-awtoritajiet Rumeni minn Qorti f’Malta. Il-Prinċep Paul-Philippe ta’ 75 sena, kien ħarab mir-Rumanija fl-2020 meta nstab ħati u kkundannat ftit aktar minn tliet snin ħabs.

Paul-Philippe, ta’ 75 sena mwieled Pariġi, kien f’Malta biex jattendi għal attività tal-Ordni tal-Kavallieri ta’ Malta meta ġie arrestat waqt li kien akkumpajat minn martu. L-akkużat, li minbarra ċittadinanza Rumena għandu wkoll ċittadinanza Ingliża u Franċża, kien ingħata sentenza ta’ ħabs wara li nstab ħati ta’ diversi akkużi fosthom ħasil ta’ flus, tixħim u li uża l-influwenza tiegħu biex twettaq reat.

Minbarra hu, kienu nstabu ħatja wkoll 17-il persuna oħra, li ppruvaw jiksbu titlu fuq proprjetajiet li Paul-Philippe ddikjara li huma parti mill-wirt tiegħu bħala membru tal-familja rjali. F’Ġunju 2022, inqabad f’Pariġi iżda Qorti tal-Appell irrifjutat li testradih lejn ir-Rumanija.

Issa jinsab jgħix l-Italja iżda ġie Malta x-xahar li għadda għal konferenza u ġie arrestat bis-saħħa ta’ Mandat ta’ Arrest Ewropew. Il-Maġistrat Leonard Caruana ddikjara li kien hemm “riskju reali” li l-prinċep isofri ksur tad-drittijiet fundamentali tiegħu jekk jintbagħat lura r-Rumanija.

Waqt il-proċeduri tal-Qorti ta’ Malta, eks prosekutur Franċiż iddeskriva l-kwistjoni bħala “skandaluża”. L-avukat Amerikan tal-prinċep xehed ukoll dwar is-sekwenza tal-avvenimenti li wasslu għal din l-aħħar offerta mill-awtoritajiet Rumeni.

L-avukat Malti ta’ Al Romaniei, Jason Azzopardi, irrimarka kif il-qrati Franċiżi kienu rrifjutaw talba simili ta’ estradizzjoni, u kkonkludew li kien hemm “riskju reali” li d-drittijiet fundamentali ta’ Al Romaniei jinkisru. It-testi oriġinali ta’ dawk is-sentenzi Franċiżi ġew ippreżentati bħala prova.

Il-Maġistrat Caruana kkonkluda li fuq il-bażi tal-provi kollha mressqa, ​​kieku l-Mandat ta’ Arrest Ewropew kellu jiġi esegwit kien hemm “riskju reali” li jirriżulta fi ksur tad-drittijiet fundamentali tal-persuna mfittxija. Il-Qorti għalhekk irrifjutat li tesegwixxi l-mandat.

Al Romaniei, madankollu, se jibqa’ arrestat għal tlett ijiem sakemm l-Avukat Ġenerali jiddeċiedi jekk jappellax jew le mid-deċiżjoni. L-avukat difensur Jason Azzopardi indika li x’aktarx ikun hemm talba bil-miktub għall-ħelsien mill-arrest sakemm jiskadi dan it-terminu tal-appell.

L-avukati Jason Azzopardi u Kris Busietta kienu avukati difensuri.