Lokali Qorti

Il-Qorti tordna li tiġi esebita l-inkjesta Pilatus fil-kawża ta’ libell ta’ Muscat kontra Daphne Caruana Galizia… Muscat jibqa’ għaddej bil-kawża

Il-Qorti fil-kawża ta’ libell ta’ Joseph Muscat kontra Daphne Caruana Galizia ordnat li l-inkjesta maġisterjali Pilatus għandha tiġi inkluża fl-atti tal-kawża. Waqt is-seduta tat-Tnejn ħareġ li l-Maġistrat Victor Axiak, li qed jisma’ l-libell, kien ta digriet li bih ordna lir-Reġistratur tal-Qorti biex jesebixxi kopja tal-proċess verbali tal-inkjesta Pilatus fuq USB.

L-insistenza ta’ Joseph Muscat biex ikompli l-każ kien irriżultat f’ċanfira fl-2019 mill-Kummissarju tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa, li kien irrimarka li l-kawżi ta’ libell li għaddejjin kienu qed jagħmlu pressjoni psikoloġika u finanzjarja mhux ġustifikata fuq il-werrieta tal-ġurnalista.

Sadanittant l-Avukat ta’ Joseph Muscat, Pawlu Lia, qal lill-Qorti li hu ma kienx innotifikat bid-digriet u li kien għadu kemm ra, u oġġezzjona għall-ordni. L-Avukat Lia semma’ l-artiklu 518 tal-Kodiċi Kriminali, li jipprojbixxi li l-atti tal-kawżi kriminali jintwerew lil xi ħadd minbarra l-avukati u l-partijiet involuti mingħajr permess speċjali tal-Qorti – sakemm ma jinqrawx fil-miftuħ.

Biex isostni l-argumentii tiegħu, l-Avukat Lia stieden lill-maġistrat biex jirrevedi d-digriet li ngħata dan l-aħħar mill-Imħallef Toni Abela li ċaħad talba simili li saret fil-kawża għad-danni tal-PN li rriżulta mill-ftehim tal-isptar Vitals.

“Dan il-proċess verbal, sa fejn naf jien, m’għandu x’jaqsam xejn mal-istorja Egrant ta’ Caruana Galizia u li jien m’għandi l-ebda għarfien dwaru. Li l-Qorti timponi xi ħaġa bħal din fuq parti, mingħajr ma naf jien x’hemm fiha, meta f’kawżi ta’ libell il-persuna li tagħmel l-allegazzjoni libelluża trid tkun f’pożizzjoni li tissostanzja l-istorja tagħha b’evidenza…” ilmenta l-avukat ta’ Muscat.

L-Avukat Lia qal lill-Qorti li ma kien jaf xejn minbarra dak li kien ippubblikat fil-midja. “Dan hu dak li qed tgħid. Il-Qorti ma taqbilx,” wieġeb il-maġistrat. L-avukat difensur Joe Zammit Maempel tenna li d-digrieti u l-proċess verbali kienu se jkunu esebiti fl-intier tagħhom, madwar erba’ ġimgħat oħra f’każ kostituzzjonali separat li qed jinstema’ mill-Imħallef Doreen Clarke.

L-Avukat Zammit Maempel żied jgħid li kien sejjaħ lil Robert Aquilina biex jixhed dwar il-konklużjonijiet tiegħu. L-Avukat Lia staqsa lill-kontroparti tiegħu x’se jkun qed jipprova bl-esebizzjoni tal-fajl tal-inkjesta, iżda ġie mwaqqaf mill-ewwel mill-maġistrat. “Mhux qed tkun raġonevoli. Dan huwa wkoll fl-interess tal-klijent tiegħek,” spjegat il-Qorti filwaqt li rrimarkat li oriġinarjament il-każ kien ġie ppreżentat b’urġenza.

Iżda l-Avukat Lia insista u qal lill-maġistrat li l-Qorti Kriminali kienet diġà “investigat l-artikoli u waslet għall-konklużjonijiet tagħha fuq il-bażi ta’ dak li xehed l-imputat fi tliet okkażjonijiet separati. Dak li ħareġ f’dan il-każ, sar permezz ta ‘ksur tal-liġi, minn xi ħadd li issa qed jingħata t-titlu ta’ eroj…” qal l-Avukat Lia.

Hawn l-avukat Lia qala’ ċanfira oħra meta qal lill-Qorti li l-persuna li kienet ħarġet din l-informazzjoni kienet qed tagħmel reat, wara li ċċara li kien qed jirreferi għal Aquilina, iżda “din il-Qorti lesta tħallih jgħid tiegħu.”

L-Avukat Zammit Maempel wieġeb li “s’issa huwa l-klijent tiegħek li qed jiffaċċja akkużi kriminali.” Bi tweġiba għall-mistoqsija tal-avukat Lia dwar ir-rilevanza tal-provi kontra l-klijent tiegħu li joħorġu minn każijiet li ma kinux tiegħu u li ma kien jaf xejn dwarhom, l-Avukat Zammit Maempel irribatta li kien “għax dak li ġara fil-Pilatus Bank ħareġ minn Egrant.”

L-Avukat Zammit Maempel kompla jinforma lill-Qorti li fis-17 ta’ Ġunju, il-proċess verbali se jiġi esebit bħala parti mill-kawża Kostituzzjonali mressqa mir-Repubblika kontra l-AĠ li qed tinstema’ mill-Imħallef Doreen Clarke.

Għalhekk, il-Maġistrat Axiak iddifferixxa l-kawża għat-8 ta’ Lulju. Il-kawża ta’ libell hi kontra Daphne Caruana Galizia u binha Matthew, imressqa mill-Eks Prim Ministru Joseph Muscat wara storja tal-2017 ippubblikata fuq il-blog tagħha ‘Running Commentary’, li sostniet li f’isem il-Panama twaqqfet kumpanija offshore sigrieta, Egrant ta’ mart Muscat, Michelle.

Wara l-pubblikazzjoni tal-istorja, Joseph Muscat kien talab inkjesta maġisterjali biex jiġu investigati dawk it-talbiet. Dik l-inkjesta li kienet saret mill-Maġistrat ta’ dak iż-żmien Aaron Bugeja, kienet ikkonkludiet li ma kien hemm l-ebda dokumentazzjoni li torbot lill-familja Muscat mal-kumpanija tal-Panama, b’ditta tal-kontabbiltà forensika bbażata fir-Renju Unit ukoll naqset milli ssib xi evidenza li torbot lill-koppja Muscat ma’ Egrant Inc dwar is-servers ta’ Pilatus Bank, li issa huwa fallut.