Lokali

“Il-vot tiegħek huwa kisba għalik” – Bernard Grech

“Dawk li jirrappreżentawk f’isem il-Partit Nazzjonalista jagħmlulek unur”.

Kien kliem il-Kap tal-Partit Nazzjonalista f’attività politika tal-Partit Nazzjonalista li saret illum, fir-Rabat, biswit id-Domus Romana. Hekk kif spjega l-importanza tal-vot tat-8 ta’ Ġunju u kif dan il-vot huwa wieħed li jgħinek tikseb l-aħjar għalik.

II-Kap tal-Partit Nazzjonalista fakkar fil-ħidma siewja li għamlu l-Ewroparlamentari Nazzjonalista Roberta Metsola u David Casa – li bil-ħidma tagħhom kisbu affarijiet kbar. L-Ewroparlamentari Nazzjonalista Roberta Metsola issa tokkuppa l-kariga ta’ President tal-Parlament Ewropew. Hekk kif fakkar fil-kisbiet li għamlu l-Ewroparlamentari Nazzjonalista fosthom il-work-life balance.

Kien hawn li fakkar li d-deċiżjoni tat-8 ta’ Ġunju hija waħda bejn Partit Nazzjonalista li jiftaħ il-pajjiż għall-opportunitajiet, li jkompli jgħin lill-poplu jimxi ‘l quddiem u li jressaq l-opportunitajiet Ewropej lejk, filwaqt li l-Partit Laburista huwa wieħed li jagħlaq il-pajjiż għall-opportunitajiet, u li qed isarraf f’żgħażagħ li jkunu jridu jitilqu minn pajjiżna. Fakkar li dan il-Gvern ħalla l-Isptar ta’ St Luke’s abbandunat, u li għalaq l-iskola tal-Imtarfa, dan minkejja dak kollu li kien wiegħed fis-snin passati. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista sostna li kien Gvern Nazzjonalista li fetaħ skola fis-sena, u li jibqa’ partit li jpoġġi l-edukazzjoni prijorità.

Fid-diskors tiegħu huwa fakkar li l-Partit Nazzjonalista huwa partit li juri bil-fatti u mhux biss bil-kliem fieragħ.

Intant, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tkellem ukoll dwar l-pjaga tal-għoli tal-ħajja, pjaga li l-Gvern mhux qed jindirizza…. u li qed tħalli effett serju fuq il-familji Maltin u Għawdxin.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tenni wkoll l-importanza tal-Kunsilli Lokali, li jagħtu leħen liċ-ċittadini tal-lokalità, kunsilli li se jsibu lill-Partit Nazzjonalista jaħdem magħhom.

Bernard Grech spjega li minkejja li l-Gvern huwa wieħed li huwa kkonċernat b’dak li jaqbel lilu biss, il-Partit Nazzjonalista qed jaħdem favur il-pajjiż sabiex itaffi l-pjaga tal-għoli tal-ħajja, il-kriżi fis-settur tas-saħħa, fost l-oħrajn. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista sostna li l-Partit Nazzjonalista qatt mhu se jkun qed jisraq il-futur minn ħalq ulied il-poplu Malti u Għawdxi hekk kif tenna li l-Partit Nazzjonalista jixtieq il-ġid lil kull ċittadin.

Kien għalhekk illi insista kemm hu importanti l-vot tat-8 ta’ Ġunju, għaliex vot favur il-Partit Nazzjonalista huwa wieħed favur il-futur ta’ pajjiżna.