Lokali

Ilna sitt xhur bla xogħol f’industrija li suppost kienet “garanzija ta’ jobs ma’ tal-films”

Membri ta’ crews lokali jesprimu t-tħassib tagħhom mat-Times of Malta

Fejn qegħdin il-films kollha li qalu li ġejjin?

Hija din id-domanda li diversi crews lokali qed jistaqsu mal-ġurnal Times of Malta hekk kif qasmu l-inkwiet tagħhom dwar in-nixfa ta’ films barranin f’pajjiżna li hawn din is-sena.

Diversi crews Maltin ġew sfurzati jieħdu pass lura mill-industrija wara li fost oħrajn produzzjoni ta’ blockbuster movie, li ismu s’issa għadu mhux magħruf, ippakkjat u telqet lejn il-Marokk u oħra allegatament kienet ġejja taħdem f’pajjiżna, madanakollu dar kollox fl-aħħar minuta u rrilokaw fir-Renju Unit – film li l-istilla tiegħu mistenni jkun l-attur Pierce Brosnan.

Għaldaqstant, diversi persuni; fosthom dawk li jibnu s-settijiet, make-up artists, disinjaturi tal-kostumi u parrukkiera, jinsabu ferm inkwetati hekk kif ilhom ma jkollhom xogħol fl-industrija għal xhur sħaħ.

Persuni qrib sew tal-industrija saħqu li n-nixfa mhux biss qed tolqot lil pajjiżna iżda jidher li hi waħda mifruxa.

Madanakollu, numru ta’ ħaddiema lokali f’din l-industrija saħqu li matul is-sena l-oħra ħadmu fuq madwar erba’ films, iżda wara kampanja qawwija tal-Gvern u ħafna pompi biex in-nies jitħajru jaħdmu f’din l-industrija… ilhom ma jaħdmu fuq film sitt xhur – minkejja l-għajta tal-Gvern li impjieg ma’ tal-films kien garanzija.

Dan minkejja wkoll li l-Kummissarju għall-Films, Johann Grech, kien sostna li l-2024 kienet se tkun sena rekord.

Ħaddiema fl-industrija saħqu li sa xahar ilu l-Gvern kien għadu għaddej bil-kampanja ‘Garanzija tal-jobs fil-films….’ u għaldaqstant qed jistaqsu, fejnhom il-films? Huma insistew li ġew imwiegħda produzzjonijiet waħda wara l-oħra… iżda issa ilhom xhur sħaħ mingħajr impjieg.

Tajjeb wieħed jagħmel referenza għal film Jurassic World li mistenni jinġibed f’pajjiżna fix-xhur li ġejjin – madanakollu mhux magħruf jekk hux biżżejjed produzzjoni waħda biex verament tkun sena rekord.

Intant, kelliema għall-Kummissjoni tal-Films saħqu mat-Times li qed ifittxu kwalità u mhux kwantità. Madanakollu, għal darb’oħra, fallew milli jispjegaw x’intefaq u ma ntefaqx fl-għexieren ta’ marketing campaigns qawwija li jlaħħqu l-mijiet ta’ eluf ta’ ewro.

Għall-istagħġib ta’ bosta, il-Ministru responsabbli Clayton Bartolo qiegħed jixħet il-ħtija ta’ dan kollu fuq il-Partit Nazzjonalista – hekk kif saħaq li dan huwa tort ta’ min qiegħed iħammeġ ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna – narrattiva partiġjana li żgur ma qiegħda tagħmel ġid għal ħadd.

Iżda s-sitwazzjoni hija agħar milli qed jiprova jpinġiha l-Ministru hekk kif anke l-industrija tal-films lokali donnha ħadet daqqa lura tant li l-produzzjonijiet prattikament waqfu ħesrem hekk kif din is-sena ma ngħataw ebda fondi.