“Kulma nixtiequ hu li jkollna ftehim li jirrikonixxi l-ħidma tagħna u qatt ma ridna naslu sal-lum mingħajr ftehim. Kienet id-deċiżjoni tal-Gvern li wasslet għal rigressjoni fin-negozjati.”
Sostniet dan il-Union tal-Għalliema (MUT) fi stqarrija hekk kif matul il-ġimgħa li għaddiet ħabbret tilwima industrijali kif ukoll ultimatum wara li n-negozjati fallew – diskussjonijiet li ilhom għaddejjin għal xhur sħaħ.
L-MUT qalet li llum kellu jkun il-jum li jkun ippreżentat il-ftehim tant li anke l-post kien ibbukjat. Intqal ukoll li ma kien hemm l-ebda oġġezzjoni mill-Ministeru sabiex jingħalaq il-ftehim f’dan it-terminu ta’ żmien. Fl-istqarrija ntqal li n-negozjati kienu sejrin f’direzzjoni tajba iżda fl-aħħar ħin sabu ħajt ta’ diversi sulari quddiemhom permezz ta’ dokument imsejjaħ mill-Gvern “comprehensive document.”
Dan id-dokument ġie ppreżentat fl-10 ta’ Mejju u l-MUT m’aċċettatx minnufih għaliex kien rigressjoni ta’ dak li kien qed jiġi nnegozjat kif ukoll kien se jistaġna n-negozjati. Fil-konfront ta’ dan kollu, il-Gvern ta’ Robert Abela ħareġ jattakka lill-għaqda u implika li mhux qed ikunu fattwali tant li l-MUT ma kellhiex għażla oħra għajr li tippubblika parti mid-dokument sabiex twaqqa’ l-argument tal-Labour.
L-MUT qalet li d-deċiżjoni ta’ ultimatum kienet waħda li ttieħdet b’responsabbiltà kbira iżda jidher li Robert Abela se jkompli jkaxkar saqajh hekk kif hemm laqgħa waħda biss skedata. Dan minkejja li l-għaqda talbet għal aktar laqgħat iżda baqgħet bla tweġiba fejn hawnhekk l-għaqda sostniet li żgur ma jistax jintlaħaq ftehim f’laqgħa waħda biss.
Intant, l-MUT saħqet li xtaqet ftehim li verament jirrikonixxi l-ħidma tal-edukaturi filwaqt li qalet li qatt ma riedu jaslu sal-lum mingħajr ftehim. Iżda l-MUT qalet li kienet deċiżjoni tal-Gvern immexxi minn Robert Abela li wasslet għal rigressjoni fin-negozjati.
//= $special ?>