Pensjonant faqa’ tyres ta’ diversi karozzi fil-pjazza tal-Iklin għax jemmen li l-pjazza tidher aħjar mingħajr karozzi, semgħet il-Qorti nhar il-Ħadd. Philip Azzopardi, ta’ 64 sena, inqabad fil-fatt is-Sibt u tressaq il-Qorti l-Ħadd.
Azzopardi ammetta l-akkużi miġjubin kontrih. Waħda mill-karozzi kienet tar-raġel tal-Maġistrat Gabriella Vella, il-maġistrat li mexxiet l-inkjesta fil-ftehim tal-isptarijiet Vitals, iżda kienet purament b’kumbinazzjoni, saħaq l-avukat difensur tiegħu.
Ir-raġel kien akkużat li għamel ħsarat fuq vetturi fuq medda ta’ sentejn, li kkawża ħsarat li qabżu l-€2,500. Is-Supretendent Joseph Busuttil qal li s-suspettat inqabad is-Sibt wara li fil-pjazza tal-Iklin ġiet installata CCTV camera fejn diversi vetturi kienu l-mira tal-akkużat.
Qal li l-Pulizija rċeviet xi 15-il rapport fuq perjodu ta’ sentejn dwar karozzi li kellhom it-tyres tagħhom spiċċaw imtaqqbin jew imqatta’. Wieħed mill-vittmi nzerta kien ir-raġel tal-Maġistrat Gabriella Vella. Is-suspettat inqabad fil-fatt nhar is-Sibt.
Il-Pulizija sabet puntell (strument bil-ponta simili għal tornavit) fil-pussess tiegħu. L-arma nqabdet u ġiet esebita fil-Qorti. Waqt l-interrogazzjoni tiegħu, l-akkużat kien spjega l-azzjonijiet tiegħu billi qal sempliċiment li “l-pjazza tidher aħjar mingħajr karozzi.”
Wara li l-akkużat irreġistra l-ammissjoni tiegħu fil-Qorti, l-avukat difensur tiegħu, Franco Debono, fakkar li kienet pura kumbinazzjoni li waħda mill-karozzi kienet vettura privata proprjetà tal-familja tal-Maġistrat Vella.
“L-akkużat ma kellu l-ebda intenzjoni li jagħmel ħsara lil dik il-persuna partikolari. Anzi ħa l-opportunità biex jiddikjara r-rispett totali tiegħu lejn il-maġistrat, il-familja tagħha u l-ħidma li wettqet bħala parti mill-uffiċċju maġisterjali tagħha,” qalet Debono. Fid-dawl tal-koperazzjoni tal-akkużat u l-akkuża bikrija ta’ ħati, il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace kkundannatu sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin.
Huwa għandu wkoll iħallas lura lill-vittmi kollha għall-ħsara kkawżata.
//= $special ?>