Basketball Sport

Kampjonat BOV Irġiel: Starlites JSD Champions tal-basketball lokali għat-tielet sena konsekuttiva

(Ritratt: BOV)

Colin Schembri

Starlites JSD……………………………….100

Mellieħa Libertas Spalding……….89

(21-23)(33-31)(25-23)(21-12)

Starlites JSD rebħu l-kampjonat nazzjonali tal-basketball għat-tielet staġun konsekuttiv u għall-ħames darba fl-istorja tagħhom. Starlites rebħu t-tazzi kollha li kien hemm dan l-istaġun u dan juri l-konsistenza tat-team immexxi minn Paul Ferrante. B’talent lokali fost l-aqwa li hawn fil-pajjiż flimkien ma’ tlett Amerikani Ferrante rnexxielhu joħloq kemistrija perfetta b’taħlita ta’ press tul il-court kollhu u difiża li taddatta għaċ-ċirkostanzi tal-avversarji flimkien ma’ attakk veloċi u f’xi waqtiet spettakolari. Mellieħa, finalisti telliefa għat-tielet sena konsekuttiva komplew jibnu fuq dak li bdew snin ilhu taħt it-tmexxija tal-President Nicolo Petrucci. Dan l-istaġun huma kellom ukoll riżultati posittivi fil-kategoriji tal-Juniors biex se jkomplu jibnu għas-snin li ġejjin. Starlites baqgħu ma sofrew l-ebda telfa fil-finali tal-play-offs hekk kif rebħu l-aħħar tlett kampjonati bl-iskor ta’ 3-0.

Starlites fetħu l-partita bi trippli minn Alec Felice Pace u baskets ta’ Christian Hinckson. Ir-risposta ta’ Mellieħa ġiet minn David Bugeja, Robert Bonnici u trippla ta’ Vukassin Jandric. Starlites komplew bil-punti ta’ Davonte Craven u Matthew Scerri biex reġgħu ħadu vantaġġ ta’ 4 punti. Mellieħa ġew lura bit-three pointers ta’ Corrado Mercurio u Jandric flimkien ma’ baskets minn Tederick Wolfe biex temmew l-ewwel sessjoni 23-21 minn fuq. Starlites reġgħu ħadu l-vantaġġ fil-ftuħ tat-tieni perjodu wara punti minn Kurt James u trippla ta’ Matthew Attard. Mellieħa għamlu 5 punti mingħajr risposta però l-istess għamlu Starlites biex baqgħu 3 minn fuq 37-34. Mellieħa reġgħu ġew lura b’seba’ punti mingħajr risposta u għal xi ħin fetħu vantaġġ ta’ sitt punti. Starlites irkupraw bi 8 punti ta’ Craven u minkejja li Mellieħa reġgħu marru minn fuq, żewġ trippli ta’ Felice Pace bl-aħħar waħda eżatt mal-buzzer għamlu l-iskor indaqs 54-54.

Fit-tielet sessjoni l-logħob kompla jkun maqsum fejn wara li trippla minn Attard poġġiet lil Starlites punt minn fuq, Mellieħa kellom il-punti minn Bugeja u Wolfe u marru 5 minn fuq 66-61. Mellieħa żammew il-vantaġġ hekk kif iż-żewġ timijiet bdew jirrispondu lil xulxin u kellom trippla kull wieħed minn Jandric u Hinckson. Hawn Starlites għamlu sitt punti mingħajr risposta kollha minn Kurt James biex temmew il-perjodu basket minn fuq 79-77. L-aħħar taqsima kienet deċisiva għal Starlites li għamlu run qawwija ta’ 16-0 b’aktar punti ta’ James u Craven flimkien ma’ Kurt Xuereb u Felice Pace. Fis-sitt minuta Starlites kienu 96-82 minn fuq u minkejja risposta ta’ 7-2 minn Mellieħa, ma kienx għad fadal ħin biex jippruvaw isalvaw il-partita. Starlites għaqqdu l-mitt punt b’basket ta Scerri fost il-briju tal-partitarji tagħhom. Hawn komplew ċelebrazzjonijiet kbar għar-rebħ tal-kampjonat. Davonte Craven intgħażel bħala l-MVP tal-finali u ġie ppreżentat bi plakka kommemorattiva. Ernest Agius Chief Operations Officer tal-Bank of Valletta flimkien mas-Segretarju Ġenerali tal-MBA Joseph Muscat ippreżentaw it-trofew tal-Kampjonat BOV tal-Basketball lil captain ta’ Starlites Alec Felice Pace.

Starlites JSD: A. Felice Pace 24, C. Hinkson 12, M. Attard 8, S. Aquilina, I. Felice Pace 4, L. Riolo, M. Scerri 6, D. Craven 21, L. Farrugia, K. Xuereb 7, N. Sultana, K. James 18.

Mellieħa Libertas Spalding: T. Wolfe 28, D. Bugeja 15, R. Bonnici 1, V. Jandric 13, R. Carabott 4, A. Peacock 14, K. Thompson 3, C. Mercurio 11, N. L. Pace.

Referees: Bernard Vassallo, Zvezdan Dobrosaviljevic, Ivica Simic

Ritratt: BOV