Internazzjonali

L-Iran: Mistoqsijiet dwar it-Tmexxija f’Tehran wara l-mewt tal-President Raisi

Ir-reġim Iżlamiku li ilu s-snin jikkontrolla lill-Iran b’mod awtokratiku mistenni jiffaċċja t-theżżiż  fis-sede tal-poter wara l-konferma li l-President Iranjan, Ebrahim Raisi, tilef ħajtu fit-tiġrif ta’ ħelikopter li seħħ matul il-lejl tal-Ħadd.

Il-ħelikopter li kien qed jivvjaġġa fih Raisi kien qed iwasslu lura lejn l-Iran wara li hu attenda ċ-ċerimonja għall-inawgurazzjoni ta’ dika fl-Ażerbajġan bħala l-mistieden tal-President Ażeri Ibrahim Aliyev …Miegħu, fit-tiġrif, mietu wkoll il-Ministru Iranjan għall-Affarijiet Barranin Hossein Amir-Abdollahian u sitt persuni oħra.

Mifhum li l-ħelikopter – wieħed minn konvoj ta’ tlieta – żviluppa l-problemi waqt li kien għaddej fuq it-Tramuntana tal-Iran waqt vjaġġ lejn il-belt ta’ Tabriz. Il-vjaġġ fatali lejn il-Punent tal-Iran kien qed isir f’ħin meta kien qed jiddomina ċ-ċpar oħxon u li x’aktarx li tellef sew mill-viżibbiltà tal-pilota.

Il-President Raisi kien magħruf fost l-aktar mexxejja konservattivi u ħorox tar-reġim f’Tehran u meta snin ilu kien strumentali wkoll għall-massakri tal-priġunieri politiċi fl-Iran.Intant, Raisi, fl-aħħar xhur, kien qed jissemma wkoll bħala s-suċċessur potenzjali għall-Ayatollah attwali Ali Khamenei li hu l-Mexxej Suprem tal-Iran fundamentalista.

Fl-aħħar sigħat, tħabbar li l-funerali ta’ Raisi u l-vittmi l-oħrajn tat-tiġrif se jsiru proprju għada t-Tlieta f’Tabriz – u bil-katavru tal-President, wara, jittieħed lejn Tehran.

Sadanittant, ir-reġim tal-Ayatollah Khamenei ilu l-aħħar sigħat jipprova jagħti dehra ta’ stabbilità u kontinwità – għalkemm xi sorsi li ma kenux identifikati referew ukoll għall-‘kurrenti tal-inkwiet wara l-kwinti tal-Amministrazzjoni’.

L-Ayatollah Khamenei – sa minuti biss wara l-konferma tal-mewt tal-President –ħareġ stqarrija bażata fuq messaġġ ta’ ‘business as usual’ u bl-awtoritajiet f’Tehran jippreparaw għal rawnd ġdid ta’ elezzjonijiet għall-Presidenza li għandhom isiru sa mhux aktar tard minn 50 jum ieħor.

Sadanittant, ħafna Iranjani li għadhom qed ibatu mill-brutalità tar-reġim Iżlamiku jistgħu jħossu li saret il-ġustizzja bil-mewt hekk għall-għarrieda tal-President Raisi. Dan ukoll meta l-eluf ta’ familji għadhom iżommu lil Raisi – eks-Kap tal-Ġudikatura Iranjana – responsabbli għall-qtil tal-eluf tal-priġunieri matul is-snin tmenin.

Fl-aħħar sigħat ukoll, Mohammad Mokhber inħatar Aġent President tal-Iran fost rapporti li hu kellu telefonata mal-President tar-Russja Vladimir Putin li, min-naħa tiegħu, irrefera għal Raisi bħala ‘sieħeb fdat ta’ Moska’.