Il-Malta Employers’ Association (MEA) qed tappella lill-Gvern u lill-MUT sabiex jissospendu n-negozjati għall-wara l-elezzjonijiet tat-8 ta’ Ġunju.
Fi stqarrija, l-MEA tenniet li n-negozjati bejn il-Gvern u l-MUT dwar il-ftehim kollettiv ġdid għandhom jiġu posposti sa wara l-elezzjonijiet, fejn spjegat li bħala assoċjazzjoni dejjem enfasizzat li l-ebda negozjati fis-settur pubbliku ma għandhom isiru fit-tliet xhur ta’ qabel l-elezzjoni.
L-MEA stqarret li dan l-appell jiġi minħabba l-fatt li l-Gvern ikun aktar dgħajjef f’dawn it-tliet xhur għaliex ikun qed imexxi l-propaganda tiegħu.
Intant, l-MEA spjegat kif il-ftehim kollettiv tal-għalliema huwa wieħed sensittiv ħafna, minħabba l-fatt li għandu riperkussjonijiet kbar fuq l-istituzzjonijiet edukattivi fis-settur privat fejn hemm eluf ta’ studenti. Dan il-ftehim jista’ jħalli impatt ukoll fuq professjonijiet oħra u għaldaqstant jikkawża aktar inkwiet industrijali.
Fl-istqarrija tagħha, l-MEA sostniet li hemm kunsens ġenerali dwar il-fatt li l-għalliema jixriqilhom pagi adegwati għas-servizzi li huma jipprovdu lil uliedna. Iżda minkejja dan, l-MEA tenniet li n-negozjati għandhom isiru b’moħħ frisk – bil-perjodu waqt kampanja elettorali żgur ma jkunx wieħed ideali għal negozjati bħal dawn.
//= $special ?>