Lokali Qorti

Mhux ħati li stupra tfajla ta’ 15-il sena għax l-att kien kunsenswali

Żagħżugħ ta’ 19-il sena ma nstabx ħati li sentejn ilu stupra tfajla ta’ 15-il sena minħabba l-fatt li l-att kien wieħed kunsenswali. Madankollu huwa kien illiberat bil-kundizzjoni li ma jikkommettix reat ieħor fi żmien sentejn wara li nstab ħati li meta kellu 17-il sena kellu x’jaqsam sesswalment ma’ tfajla ta’ 15-il sena, allura minorenni.

L-akkużi li kien qed jiffaċċa jgħidu li fit-3 ta’ April 2022, u fil-ġranet u xhur ta’ qabel, ikkorrompa persuna taħt is-16-il sena u li kellu x’jaqsam sesswalment magħha, u li fid-data tat-3 ta’ April tal-istess sena stupraha f’garaxx.

Il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit semgħet kif għall-ewwel it-tfajla qalet li ż-żagħżugħ kien stupraha imma wara d-difiża esebiet ċertu provi li juru li ma kinitx xehdet il-verità, u aktar tard ammettiet li l-att kien kunsenswali kif kien qed jgħid l-akkużat sa mill-bidu tal-proċeduri.

Meta biex tagħti l-piena l-Qorti qieset, fost affarijiet oħra, l-etajiet taż-żewġ żgħażagħ fejn id-differenza kienet żgħira u li anke l-ġuvni kien minorenni huwa stess meta sar is-sess. Il-Qorti qalet li l-Artikolu 204C(1) tal-Kapitolu 9 tal-Liġijiet ta’ Malta, li ammetta għalih l-imputat, jistipula li:

“Kull min jipparteċipa f’attivitajiet sesswali ma’ persuna ta’ taħt is-16-il sena jeħel, meta jinstab ħati, il-piena ta’ priġunerija minn ħames snin sa 10 snin”. Imbagħad is-subinciż (3) tal-istess Artikolu jipprovdi ssegwenti:-

“Meta l-għemil ikun kunsenswali bejn il-koppja, li jkunu qrib fl-età u fil-livell ta’ żvilupp u sa fejn l-atti
ma jkunux jinvolvu abbuż fiżiku u, jew psikoloġiku, il-piena għandha titnaqqas bi grad jew żewġ gradi.”
Illi f’dan il-każ m’hemmx dubju li l-att sesswali bejn l-imputat u l-minuri kien wieħed kunsenswali u mingħajr abbuż fiżiku jew psikoloġiku.

“Illi ħareġ ċar li l-minuri kienet konsapevoli ta’ dan l-att sesswali għalkemm għall-bidu hija deliberatament xehdet il-kuntrarju”. Il-Qorti ordnat liż-żagħżugħ biex iħallas €1,668, nofs l-ispiża tal-esperti li tqabbdu fl-inkjesta maġisterjali li kienet saret dwar dan il-każ.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukat Darlene Grima mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u l-Ispettur Kylie Borg.