Lokali Qorti

Mixli li fera ħafif u hedded lis-sieħba tiegħu

Raġel ta’ 32 sena mir-Rabat inżamm arrestat wara li ġie mixli quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello li kkaġuna ġrieħi ħfief u għal diversi drabi hedded lis-sieħba tiegħu. Il-Pulizija qalet fil-Qorti li l-vittma għamlet rapport l-Għassa ta’ San Pawl il-Baħar u allegat li sofriet diversi ġrieħi f’ġisimha, b’mod partikolar f’wiċċha wara diversi episodji ta’ vjolenza domestika.

Matul l-investigazzjoni, it-Taqsima tal-Vjolenza Domestika skopriet li l-akkużat ma kienx qed jiffirma fl-Għassa tal-Pulizija tar-Rabat, wara li kien ingħata l-pleġġ fuq każ ieħor li għadu qed jinstema’ fil-Qorti. Il-prosekuzzjoni qalet ukoll li r-raġel bidel l-indiririzz tiegħu u ma avżax lill-Pulizija kif suppost li għamel fuq ordni tal-Qorti.

Huwa wieġeb mhux ħati, bid-difiża titlob għall-ħelsien mill-arrest fejn qalet li kien qed jonqos mill-jiffirma fl-Għassa tal-Pulizija minħabba li għandu l-kundizzjoni tad-diabete u jkun hemm ċirkostanzi fejn ma jkollux saħħa joħroġ mid-dar. Qalet li għal dan kollu hemm il-prova taċ-ċertifikati mediċi.

Il-prosekuzzjoni opponiet bil-qawwa kollha u qalet li apparti l-biża’ tal-kontaminazzjoni tal-provi u dan minħabba li l-allegata vittma għad trid tixhed kontrih, l-akkużat diġà kien ingħata ċ-ċans mill-Qorti wara li kien ngħata sentenza sospiża ta’ tliet snin fuq akkużi ta’ frodi u serq.

L-Ispettur iddeskriviet lill-akkużat bħala persuna vjolenti u mhux affidabbli, u li allegatament ħebb għal mara diversi drabi.

Il-Qorti ċaħdet it-talba għall-pleġġ.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Sherona Buhagiar u għall-akkużat dehret l-avukat Yanika Bugeja.