Joseph Muscat qed jibqa’ jgħid li l-Inkjesta Vitals hi biss biss kollezzjoni ta’ gideb. Iżda qed jgħid ukoll li fuq l-azzjonijiet tiegħu biss jista’ jitkellem; u mhux fuq ħaddieħor – konferma li issa qed iduru għal xulxin, tant li l-Eks Prim Ministru spiċċa jarmi kemm lill-Eks Ministru Konrad Mizzi kif ukoll lil dak li kien iċ-Chief of Staff tiegħu, Keith Schembri.
Il-Ħadd, is-Sunday Times irrappurtat kif kien inħoloq ‘fond ta’ appoġġ’ ta’ miljun ewro minn Steward Healthcare u li huwa suspettat li twaqqaf biex jiġu mgħoddija flus lil Joseph Muscat, Keith Schembri u Konrad Mizzi. L-Eks Prim Ministru jirribatti dan l-artiklu permezz ta’ kitba fuq Facebook… fejn qal lin-nies biex joqogħdu jistennew. Hu qal li se jippreżenta dawk li Muscat sejjaħ “provi”… meta u kif jagħżel hu.
Skont is-Sunday Times, il-fondi kienu f’kont bankarju tal-kumpanija Accutor, li huwa mifhum li kien jintuża bħala kont minn Vitals u Steward.
Skont investigazzjoni li saret, jidher ukoll li Muscat u Mizzi kienu ffirmaw qbil mal-kumpanija Accutor, u l-kap ta’ din il-kumpanija, Armin Ernst, kien ukoll bagħat email li jiddiskrivi dan il-kont bħala fondi għal attivitajiet politiċi u governattivi.
Joseph Muscat fuq Facebook kiteb li ladarba l-Pulizija ma bagħtux għalih, issa se jħalli lill-awtoritajiet jistennew u hu se jwieġeb meta jrid hu.
Però, l-istess bħall-Eks Deputat Prim Ministru Chris Fearne, anke hu kiteb li jista’ jitkellem biss dwar l-azzjonijiet u d-deċiżjonijiet tiegħu u ma jistax jikkummenta dwar x’korrispondenza kien hemm bejn persuni terzi… u x’azzjonijiet seta’ kien hemm speċjalment jekk saru bil-moħbi, biex b’hekk tefa’ dubji dwar l-innoċenza tal-Eks Ministru Konrad Mizzi u Keith Schembri li sa ftit snin ilu kien l-id il-leminija tiegħu.
//= $special ?>