Lokali

“L-integrità, it-trasparenza u l-konsultazzjoni huma kollha valuri tal-kandidati tal-PN” – Norma Camilleri

Ritratti; Martin Agius

Il-kandidata għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Norma Camilleri, fid-diskors li għamlet fir-Rabat biswit id-Domus Romana, bdiet billi enfasizzat l-importanza tas-saħħa mentali.

Il-kandidata spjegat illi huwa dover tal-Oppożizzjoni li tistaqsi l-mistoqsijiet dwar il-pjanijiet tal-Gvern, u huwa għalhekk li appellat għat-trasparenza fil-pjanijiet li hemm fis-seħħ fis-settur tas-saħħa, fejn spjegat li dawk li jifhmu għandhom jiġu kkonsultati qabel u mhux wara l-proġetti.

Kien hawn li Norma Camilleri rreferiet għall-pjan ta’ riallokazzjoni tal-pazjenti ta’ Monte Carmeli – b’Camilleri itenni li l-Gvern għandu jkollu pjan dwar fejn se jkun qed ipoġġi lill-pazjenti li hemm attwalment f’Monte Carmeli, fosthom dawk l-aktar vulnerabbli f’pajjiżna.

Intant, fid-diskors tagħha, tenniet l-importanza tal-integrità – integrità li żżomm mal-kelma tiegħek u li mhux iddur bħall-pinnur mar-riħ. Il-kandidata tal-Partit Nazzjonalista sostniet li dawn huma l-valuri u l-konsistenza tal-kandidati kollha tal-Partit Nazzjonalista. Huwa għalhekk li l-vot tat-8 ta’ Ġunju huwa importanti.