L-MUT jridu jagħtu l-informazzjoni sħiħa.
Hekk sostna l-Prim Ministru Robert Abela taħt it-tinda f’attivitá tal-Labour f’Birkirkara hekk kif ħareġ jattakka lill-Union tal-Għalliema wara li fi tmiem il-ġimgħa saħqet li l-Gvern tal-Labour tella’ ħajt bil-proposti li poġġa fuq il-mejda aktar kmieni dan ix-xahar.
Robert Abela ta x’jifhem li l-MUT qed tigdeb meta qed tisħaq li biex jingħataw żieda l-għalliema se jkollhom iżidu l-ħinijiet tax-xogħol tagħhom.
Dan minkejja li fattwalment iswed fuq l-abjad, il-union ippubblikat dak li qed jingħad il-proposta tal-Gvern ta’ Abela, ċioè li l-edukaturi se jkunu obbligati għal żieda li tlaħħaq għal 29 lezzjoni.
Intant, fl-aħħar jiem l-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem (MRA) appellat sabiex it-taħditiet mal-MUT ikomplu wara l-elezzjonijiet tat-8 ta’ Ġunju biex ma jkunx hemm interessi ulterjuri.
L-MEA tenniet li n-negozjati bejn il-Gvern u l-MUT dwar il-ftehim kollettiv ġdid għandhom jiġu posposti sa wara l-elezzjonijiet, hekk kif spjegat li bħala assoċjazzjoni dejjem enfasizzat li l-ebda negozjati fis-settur pubbliku ma għandhom isiru fit-tliet xhur ta’ qabel l-elezzjoni.
Iżda Abela ta x’jifhem li dan l-appell se jinjorah.
Dan filwaqt li attakka lill-union u insista li l-MUT għandha twassal informazzjoni sħiħa lill-membri tagħha.
Ma setax jonqos li ma tgħaddix ġurnata oħra li ma jsemmix il-babaw tal-establishment, hekk kif wara li qal li hawn kmamar tal-aħbarijiet membri miegħu, wara li qal li hawn biċċiet tal-istituzzjonijiet u anke fl-Ewropa… issa saħaq li l-establishment irid lil Birkirkara.
Intant, matul din it-taħdita tkellem il-kandidat għall-Parlament Ewropew Jesmond Marshall fejn qalb ħafna għajjat insista li jrid li jwassal messaġġ li Malta hija Laburista.
Dan filwaqt li ta x’jifhem li n-Nazzjonalisti jridu jaħarqu pajjiż.
Kif mistenni, sfortunatament, il-Prim Ministru naqas milli jlissen kelma fuq is-sitwazzjoni skandaluża li qed jaffaċċja pajjiżna bi Gvernatur Ċentrali akkużat bi frodi fost diversi persuni oħra – inkluż Eks Prim Ministru u Eks Ministri.
//= $special ?>