Edukazzjoni Lokali

Robert Abela jkompli jsabbat saqajh mal-edukaturi

Bdiet ġimgħa ġdida u l-Gvern ta’ Robert Abela qed ikompli jsabbat saqajh mal-edukaturi. Dan hekk kif Net News jista’ jikkonferma li ma kien hemm l-ebda żblokk dwar il-kwistjoni tal-għalliema u matul il-jum, ma kien hemm ebda laqgħat skedati bejn l-MUT u l-Gvern biex tinstab soluzzjoni.

Il-ġimgħa li għaddiet, il-Union tal-Għalliema ddikjarat tilwima industrijali hekk kif il-Gvern naqas milli jilħaq ftehim fuq il-pagi tal-edukaturi; l-istess Gvern li wiegħed żidiet sostanzjali fil-manifest elettorali.

Apparti t-tilwima industrijali, l-MUT ħabbret ukoll ultimatum ta’ ġimgħa bil-għan li jintlaħaq qbil; proprju minħabba l-fatt li d-diskussjonijiet ilhom ikaxkru għal xhur sħaħ. Dan ifisser li jekk ma jintlaħaqx qbil bejn il-Gvern u l-MUT, il-union ma jkollhiex għażla oħra għajr li tħabbar azzjonijiet industrijali fl-iskejjel tal-Istat kif ukoll fl-iskejjel tal-Knisja.

Din mhux l-ewwel darba li l-MUT kellha tieħu azzjonijiet bħal dawn, hekk kif f’Novembru li għadda l-edukaturi pparteċipaw fi strajk ta’ ġurnata. Iżda Robert Abela minflok prova jilħaq qbil spiċċa jattakka lill-MUT – tant li implika li mhux qed tkun fattwali.

Kien għalhekk li s-Sibt li għadda l-union tal-għalliema ppubblikat partijiet mill-ftehim u spiċċat giddbet għalkollox lill-Gvern.

Intant, artiklu ppubblikat fil-MaltaToday żvela riċerka li turi kif il-paga ta’ għalliem mhux qed tinċentiva l-istudenti sabiex jidħlu għal din il-professjoni.

Il-maġġoranza tal-istudenti li pparteċipaw jgħodu li għalkemm huwa xogħol importanti ħafna, huwa wkoll xogħol li ma jħallasx u li jikkawża stress qawwi.