Lokali Qorti

Sentenza sospiża għal student li ta daqqa ta’ ponn student ieħor

Żagħżugħ ta’ 23 sena mit-Tuneżija, residenti Tas-Sliema, ġie kkundannat sena ħabs sospiża għal sentejn wara li ta daqqa ta’ ponn lil żagħżugħ ieħor u kkaġunalu ġrieħi gravi. Ben Alayah li bħalissa qed jagħmel kors ta’ livell masters, ammetta l-akkużi kollha miġjubin kontrih.

Quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello, il-prosekuzzjoni qalet li minħabba li l-akkużat ammetta fi stadju bikri tal-proċeduri u kkopera l-ħin kollu mal-Pulizija, il-piena idonea għandha tkun dik ta’ sentenza sospiża. Qalet ukoll li l-kondotta tiegħu hi waħda netta u li qatt ma kellu inkwiet mal-Pulizija.

L-avukat difensur qalet li l-akkużat u l-vittma ma jafux lil xulxin u qatt ma argumentaw. Kompliet tgħid li l-vittma sofra daqqa ta’ ponn bi żball wara kommossjoni li nqalgħet fuq il-bajja ta’ San Ġorġ, f’San Ġiljan, fi ġlieda bejn diversi studenti.

Il-Maġistart Montebello sabet lill-akkużat ħati fuq ammissjoni tiegħu stess u kkundannatu sena ħabs sospiżi għal sentejn filwaqt li ħarġet ordni ta’ protezzjoni fuq il-vittma. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Nico Zarb u l-Avukat Alessia Schembri mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.

Għal Alayah dehret l-Avukat Josette Sultana.