Lokali

Wieħed mix-shareholders ta’ Vitals kien fetaħ kumpaniji sigrieti f’Dubaj għal Schembri u Mizzi

Investigazzjoni li saret bħala parti mill-Inkjesta Vitals jidher li żvelat kif wieħed mix-shareholders tal-kumpanija Vitals Global Healthcare kien fetaħ kumpaniji sigrieti f’Dubaj għal Keith Schembri u Konrad Mizzi.

Dawn il-kumpaniji ma kinux magħrufa qabel ma saret din l-investigazzjoni, bix-shareholder – Shaukat Ali – feġġ ismu meta kien hemm suspett li seraq mal-€10 miljun grazzi għad-deal tal-Vitals.

Skont it-Times, il-kumpaniji sigrieti ta’ Keith Schembri u Konrad Mizzi kienu qed jiġu pjanati biex jinfetħu f’Dubaj meta Schembri u Mizzi kien għadhom fil-Gvern ma’ Joseph Muscat… fl-2015. Schembri kien Chief of Staff ta’ Muscat u Mizzi kien Ministru tas-Saħħa.

Il-proċeduri biex jinfetħu l-kumpaniji f’Dubaj bdew f’Lulju tal-2015, xahar biss wara li l-Gvern iffirma b’mod uffiċjali ma’ Vitals id-deal frawdolenti li bih ħadu f’idejhom l-isptarijiet San Luqa, Karin Grech u l-Isptar Ġenerali t’Għawdex. Biex imbagħad, Shaukat Ali ntalab biex jiftaħ dawn il-kumpaniji f’Dubaj f’Marzu tal-2016.

Shaukat Ali kien wieħed mill-iktar persuni fdata mill-Gvern ta’ Muscat. Hu… flimkien mal-familja tiegħu… allegatament daħħlu l-miljuni minn kumpaniji li kellhom rabta mal-Vitals. Biss biss, ibnu waħdu ħa ‘l fuq minn miljun ewro għall-provvista ta’ apparat mediku u elettroniku.

Shaukat Ali, li huwa Pakistani, kien wieħed minn dawk li xtraw il-passaport Malti u kien ukoll krucjali biex sar il-Memorandum of Understanding tal-isptarijiet qabel biss sar il-kuntratt – xi ħaġa li kienet ġiet kundannata mill-NAO u anke mill-Qrati Maltin.