Lokali

Bżonn ta’ konsultazzjoni xierqa mal-artisti biex ikunu indirizzati l-ħtiġijiet tagħhom – PN

Ritratt: Joseph Galea

Il-Partit Nazzjonalista jisħaq l-importanza ta’ konsultazzjoni xierqa ma’ dawk li jiffurmaw parti mis-setturi varji artistiċi biex verament ikunu indirizzati l-bżonnijiet tagħhom. Dan hekk kif jidher li l-Partit Laburista stenbaħ mir-raqda għax waslet elezzjoni u allura jrid li l-ilma jibdlu f’inbid. Naraw li wara ħafna wegħdiet fil-manifesti elettorali għall-elezzjonijiet ġenerali sa mill-2013, feġġ il-Hub għall-Arti u l-Kultura proprju din il-ġimgħa, dak li qabel kien imsejjaħ il-Villaġġ tal-Karnival.

Kien dan li ntqal mix-Shadow Minister għall-Wirt Nazzjonali, Arti, Kultura u l-Industrija tal-Films, Julie Zahra, fi stqarrija f’isem il-Partit Nazzjonalista.

Filwaqt li hawn nuqqas kbir u hawn il-bżonn ta’ spazji għall-imħażen tal-karrijiet tal-Karnival, spazji għall-provi taż-żfin u għal bands u numru ta’ studios oħrajn, il-Partit Nazzjonalista jinnota għal darb’oħra nuqqas ta’ konsultazzjoni mal-istakeholders. Anke l-Malta Entertainment Industry and Arts Association uriet it-tħassib tagħha fuq nuqqas ta’ konsultazzjoni u trasparenza għal dan il-proġett. L-artisti qed itennu l-bżonn ta’ dawn l-ispazji, biex ma tibqax din il-problema f’pajjiżna. Ma jistax ikun li nraqqu l-pannu bil-qargħa aħmar.

Il-Partit Nazzjonalista jistaqsi kif se jaħdem u jkun immaniġġjat dan il-Hub biex ikun assigurat li jgawdu l-ħafna u mhux il-ftit, fost ħafna mistoqsijiet oħrajn. Dan il-Hub mhux se jsolvi l-problemi immedjati ta’ nuqqas ta’ spazji għall-provi ta’ diversi dixxiplini artistiċi, fosthom dawk li riċentament tilfu l-garaxxijiet tagħhom, b’ħafna minnhom kienu mibdula fi spazji ta’ provi għal bands jew ‘recording studios’, fost bżonnijiet oħrajn.

Il-Partit Nazzjonalista mhux biss jemmen li hemm bżonn ta’ spazji adegwati għall-artisti Maltin u Għawdxin biex ikomplu jimirħu fid-dixxiplina artistika tagħhom b’mod immedjat, iżda wkoll aktar inċentivi.