Lokali

Chris Cardona jgħid li l-falliment tal-istituzzjonijiet se jwassal għat-tmiem tal-gvern

“L-istorja turina li meta l-istituzzjonijiet ifallu milli jirrispettaw u jipproteġu d-drittijiet taċ-ċittadini, x’aktarx li jkun il-bidu tat-tmiem għal dak il-gvern.”

Hekk iddikjara l-Eks Ministru Laburista Chris Cardona, li f’nofs it-taqlib politiku li qed jaffaċċja l-Labour bħalissa spiċċa jikkummenta fuq il-media soċjali dwar dak li hu stess sejjaħ “it-tmiem tal-gvern” – b’Cardona jirrifletti sentiment li qed jinħass sew fost eluf ta’ partitarji ġenwini, li qed jaraw it-tmexxija dgħajfa ta’ Robert Abela tibda tħalli l-effetti tagħha.

Fuq Instagram, Chris Cardona kiteb li l-gvernijiet għandhom jagħrfu l-fatt li “meta ċ-ċittadini tagħhom iħossuhom tajjeb u sodisfatti, dan ikun krucjali biex tinżamm l-armonija fost is-soċjetà. Meta l-interessi u l-ilmenti tan-nies ikunu injorati, ikun hemm konsegwenzi koroh ħafna.”

Mingħajr ma speċifika jew għamel xi referenza għal xi każ partikolari, Chris Carodna insista li l-istorja turina li meta l-istituzzjonijiet ifallu milli jirrispettaw u jipproteġu d-drittijiet tac-cittadini, x’aktarx li jkun il-bidu tat-tmiem għal dak il-gvern.