Lokali

Editorjal: Attakki meqjusa bħala tat-tkexkix fuq il-ġurnaliżmu

Qed ngħixu f’realtà fejn il-ġurnaliżmu reġa’ qed jiġi attakkat u mhedded. L-aħħar attakk fuq il-ġurnaliżmu nissel dubju fil-ġurnalisti jekk dawn għandhomx iħossuhom mhedda waqt li jkunu qed jagħmlu xogħolhom. Din hi d-direzzjoni li miexi lejha l-Gvern… direzzjoni li hija waħda perikoluża.

Kien dan is-sentiment li qasam l-Editorjal ta’ The Times of Malta hekk kif saħaq li s-sens ta’ mibegħda u inċitament, li kien evidenti seba, snin ilu meta ġiet assassinata Daphne Caruana Galizia, għadu qed jirrenja sal-lum il-ġurnata, inkluż minn membri tal-Gvern kif ukoll dawk viċin tagħhom.

L-Editorjal ikompli jgħid li Robert Abela qed jibqa’ jattakka lil ġurnalisti kif ukoll lil organizzazzjonijiet oħra tal-media u jinsinwa li huma parti mill-establishment. Dan meta Abela falla milli jċanfar lil Jason Micallef li ħadda qatta’ bla ħabel kontra ġurnalista indipendenti u ppubblika ritratti li  ħa taċ-chats tagħha. Bl-Editorjal jispjega kif Micallef ma kellu l-ebda dubju li jista’ jagħmel dan mingħajr probelma ta’ xejn… għaliex ma kienx se jsib l-oġġezzjoni tal-Partit Laburista jew ta’ Robert Abela nnifsu.

L-Editorjal spjega kif il-ġurnaliżmu indipendenti għandu rwol essenzjali f’soċjetà demokratika, tant li l-Kummissjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem stess tiddikjara li l-Istat għandu obbligu li jissalvagwardja l-ġurnaliżmu ħieles.

Meta Robert Abela ssibu daru mal-ħajt, kompla jgħid l-Editorjal, Robert Abela jipprova jfarfar kull forma ta’ responsabbiltà billi jgħid li dak li ġara ma seħħx meta hu kien Prim Ministru jew inkella jwaħħal fl-establishment.

L-Editorjal jitfa’ l-ħtija tal-kriżi li għaddej minnha pajjiżna fuq Robert Abela, hekk kif l-amministrazzjoni li hu qed imexxi falliet milli tissalvagawardja kemm il-libertà tal-espressjoni kif ukoll id-demokrazija.

L-Editorjal itemm jgħid li Robert Ablea donnu li mhu qed issib l-ebda problema biex jitfa’ lill-pilastri tad-demokrazija taħt theddida, kemm lill-ġudikatura kif ukoll lill-ġurnaliżmu. Din hi xi ħaġa meqjusa bħala tat-tkexkix għas-soċjetà Maltija.