Ambjent Lokali

Festa Fjuri tirritorna fl-Iklin

Il-Kunsill Lokali tal-Iklin se jerġa’ jtella’ l-edizzjoni Festa Fjuri 2024. 

Din l-attività se ssir nhar is-Sibt 25 ta’ Mejju fi Triq Anton Buttigieg u Pjazza Ninu Cremona, (fit-triq tal-Knisja Parrokkjali Familja Mqaddsa) bejn id-9am u s-2pm.

Il-Kunsill Lokali tal-Iklin welled din l-idea mill-isem li ġġib din il-lokalità ‘l-Iklin’, li bl-Ingliż insejħulha rosemary, li hija xitla, jew aħjar ħaxixa aromatika li f’Malta tikber faċilment u nsibuha f’diversi nħawi, inkluż f’L-Iklin.  Din ix-xitla għandha l-benefiċċji tagħha għaliex għandha użu mal-ikel u x-xorb apparti li minn din ix-xitla jsiru wkoll żjut naturali.  Xi xarba klin ma tonqosx minn stand li ser ikun armat mill-Kunsill biex iservi rosemary drink tasting, fruit cake, u frott, sabiex il-Kunsill jippromwovi stil ta’ ħajja sana.

L-attività se tkun immirata għall-familja kollha u kulħadd huwa mistieden biex jattendi. Ser ikun hemm stands armati bi fjuri friski, xtieli, kif ukoll ħwawar.

Matul din l-attività, se jkun hemm sezzjonijiet differenti li jinkludu diskussjonijiet pubbliċi dwar suġġetti varji relatati man-natura u diskussjonijiet oħra interessanti minn kelliema kompetenti fosthom Rev. Dr Carlo Calleja, Alfred Baldacchino, Dr. Antoine Vella, Joyce Muscat u Carmen Tedesco li ser jitrattaw suġġetti dwar il-fjuri, l-ekoloġija lokali, il-kunċetti wara l-produzzjoni tal-ikel imsejjaħ organiku, u riċetti bl-użu tal-ħwawar.

Ser jipparteċipaw l-għaqdiet tal-lokal, Iklin Scout Group u Lija/Iklin Football Youth Academy li se jkunu qed itellgħu numru ta’ attivitajiet. Magħhom se jipparteċipaw ukoll Ambjent Malta, Project Green, MOVE for Trees, ERA, il-Community Police, Friends of the Earth u WasteServ Malta. 

Fl-edizzjoni ta’ din is-sena, id-Dar tal-Providenza se tieħu sehem ukoll bi stands bil-fjuri, ħwawar u xtieli. 

Ma’ dan se jkun hemm sezzjoni għall-kreattività bit-tema ‘Rokna għall-artisti’ fil-ġnien Ninu Cremona fejn numru sabiħ ta’ artisti, fil-maġġor parti mill-Iklin, se jkunu qed jesibixxu l-arti tagħhom u jpittru xi xenarji relatati man-natura fuq il-post.

Ser ikun hemm ukoll il-Banda San Pio X ta’ Ħal Lija biex tferraħ il-pubbliku bil-marċi u mużika allegruża matul in-nofstanhar ta’ filgħodu filwaqt li Spiteri Lucas Band ser jagħtu spettaklu bejn 12pm u s-2pm.  Mis-2pm ‘il quddiem, ir-residenti kollha tal-Iklin se jkunu mistiedna biex  jiġbru s-sehem tagħhom ta’ xitel tal-Petunia li ser ikun iddekorat fi Triq Anton Buttigieg.  L-iskop wara d-distribuzzjoni tax-xitel hu sabiex ir-residenti jħawlu dan ix-xitel u jżejnu l-parapetti, ġonna, galleriji u aperturi tar-residenzi tagħhom biex il-lokalità tal-Iklin tiffjorixxi.