Lokali

Gvern li ma jippjanax u jaħdem għal kollox minbarra għalik – PN

Il-Gvern mhux talli qed ikompli jkaxkar saqajh biex iniedi r-riforma li wiegħed hu stess sena ilu, u mhux talli mhux jippjana x’għandu u x’m’għandux ikun żviluppat, iżda talli qed jikkonċedi artijiet pubbliċi biex ikun il-privat li jiddeċiedi xi jsir minnhom.

Kien dan li ntqal fi stqarrija tal-Partit Nazzjonalista maħruġa mix-Shadow Minister għall-Ippjanar u l-Artijiet, Stanley Zammit; ix-Shadow Minister għall-Agrikoltura u s-Sajd, Toni Bezzina; u x-Shadow Minister għall-Ambjent, Rebekah Borg.

Il-Gvern naqas u għadu qed jonqos meta jħalli lill-Awtorità tal-Ippjanar aktar iffukata fuq il-kontroll tal-iżvilupp milli fuq l-ippjanar tal-iżvilupp.

Il-Gvern Laburista għandu jieqaf mill-kantaliena li jinħeba wara awtorità bla riżorsi fl-ippjanar u wara deċiżjonijiet ta’ 18-il sena ilu billi jammetti li fl-aħħar 11-il sena, Prim Ministri u Ministri wieħed wara l-ieħor, intenzjonalment, staġnaw is-sistema tal-ippjanar.

Il-Gvern ta’ Robert Abela faqqar lill-Awtorità tal-Ippjanar mill-forward planners u aggrava s-sitwazzjoni, tant li r-reviżjonijiet meħtieġa b’mod iddisprat, bħall-Pjan Strateġiku għall-Ambjent u l-Iżvilupp (l-iSPED) kienu ttardjati bi tmien snin. Sal-lum lanqas l-istudju ta’ kemm u x’tip ta’ żvilupp jiflaħ pajjiżna ma għadu sar.

Il-Gvern Laburista għandu jieqaf iparla, jieqaf iwaħħal fid-difetti fil-pjanijiet lokali u r-razzjonalizzazzjoni u jagħmel dak li ma għamilx fi 11-il sena.

Fiz-zona tal-Bebbux fiż-Żurrieq, il-Gvern Laburista qed jagħti art agrikola pubblika li għadha tinħadem mill-bdiewa tagħna biex jiffaċilita l-iżvilupp ta’ aktar bricks u konkrit. Il-Gvern qed jipperikola l-ħobża ta’ kuljum tal-bdiewa li jaħdmu din l-art u l-benessere tal-komunità Żurriqija a skapitu tal-ftit.

Appelllaw lill-Gvern jibda minnufih proċess biex ikunu riveduti, mibdula jew imneħħija kif meħtieġ pjanijiet lokali u policies, inkluż l-Annex 2 abbażi ta’ studji bħal tal-Carrying Capacity u l-iSPED. Bl-istess mod għandu jippjana zoni razzjonalizzati u jiddetermina x’tip ta’ żvilupp għandu jsir fihom, filwaqt li art agrikola għandha titħalla biex tinħadem mill-bdiewa u titgawda mill-komunità.

Il-Partit Nazzjonalista, permezz tal-Kunsillieri eletti f’ismu fil-Kunsilli Lokali, se jkun qed jagħamel dak li m’għamilx u qed jonqos milli jagħmel il-Gvern billi jara li jsiru studji dwar il-mod kif qed jiżviluppaw il-lokalitajiet u l-komunitajiet li ngħixu fihom biex niżguraw żvilupp soċjali u infrastrutturali sostenibbli għal-lokal tagħhom.

Fin-nuqqas serju ta’ sistema tal-ippjanar ħolistika, ċara, akkontabbli, trasparenti, ġusta, li tagħti prijorità lill-kwalità tal-ħajja u bl-involviment sħiħ tal-komunità tagħti ċ-ċertezza, is-sigurtà u s-serħan tal-moħħ, kif ukoll twassal għal żvilupp verament sostenibbli, bil-poplu jifhem li l-Gvern Laburista jinstab fil-but tal-establishement li tant jgħajjat bih.