Lokali Qorti

Ikomplu jitreġġgħu lura indirizzi ta’ bosta li l-vot tagħhom inqaleb fuq is-Siġġiewi f’binja mhux abitabbli

Diversi persuni li kienu reġistrati fuq binja soċjali tal-Gvern fis-Siġġiewi li għadha mhux abitabbli jridu jivvutaw fl-indirizz tagħhom ta’ fejn għadhom joqogħdu sa issa wara li diversi Maġistrati fil-kompitu tagħhom ta’ uffiċjali reviżuri, laqgħu t-talba tal-Partit Nazzjonalista. Kif diġà għamlu diversi ġudikanti oħra, ġie kkonfermat li seħħ frodi elettorali.

Il-PN kien ressaq 99 rikors permezz tas-Segretarju Ġenerali tiegħu Michael Piccinino li fihom allega li l-Gvern biddel l-indirizzi ta’ dawn il-persuni sabiex jassigura li fl-elezzjoni ta’ Ġunju, is-Siġġiewi jżomm il-maġġoranza Laburista.

Il-Qorti stess il-ġimgħa l-oħra preseduta mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, ordnat investigazzjoni immedjata dwar din il-kwistjoni wara li numru ta’ persuni li kellhom l-indirizz tagħhom mibdul xehdu li ġew immanipulati minn bosta uffiċjali tal-Gvern.

Jirriżulta li aktar minn 70 fil-mija tal-eletturi li ngħataw akkomodazzjoni soċjali fil-binja Silvio Parnis, ġejjin mid-Distrett tal-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes, li huwa responsabbli għal dawn il-binjiet soċjali madwar il-pajjiż,

Il-PN ma ried bl-ebda mod ma jħalli lil dawn id-99 elettur ma jivvutawx, imma talab u ngħata raġun li dawn jivvutaw fl-inidirizz proprju tagħhom. Il-ġimgħa l-oħra l-Maġistrat Donatella Frendo Dimech fil-vesti tagħha ta’ uffiċjal reviżur, ikkonfermat il-fatt li l-mod kif eletturi ġew manipulati biex il-vot tagħhom jinqaleb fuq il-lokalità tas-Siġġiewi meta dan ma setax isir peress li l-binja mhijiex waħda abitabbli u talbet lill-Kummissarju tal-Pulizija jinvestiga biex ikun magħruf kif dan kollu seħħ.

ll-Maġistrat Frendo Dimech osservat li skont il-liġi elettorali, il-votanti jridu jkunu reġistrati fil-lokalità fejn fil-fatt jgħixu. Fit-8 ta’ Mejju l-Maġistrat Frendo Dimech marret tagħmel aċċess fuq il-post fejn kienet megħjuna minn uffiċjal tal-Pulizija li mar fuq il-post bil-body cam biex jirrekordja dak li kienet qed tispezzjona l-Maġistrat.

Fid-deċiżjoni tagħha hi qalet li ma jista’ jkun hemm qatt dubju li l-elettur ma kien ħa l-ebda inizjattiva sabiex jirreġistra l-vot fuq il-binja Silvio Parnis. Qalet li hu ta’ għajb kif eletturi ġew manipulati u sfruttati proprju minn min kien suppost qed jaħdem fl-interessi u l-benesseri tagħhom sabiex ibiddlu l-karta tal-identità għal fuq l-indirizz tal-binja fis-Siġġiewi.

L-uffiċjal reviżur qalet li meta marret tagħmel l-aċċess fil-fond allokat li ma kellu ebda sinjal ta’ abitazzjoni għaliex hu għeri għalkollox, kif jixhed il-bodycams footage. Ħadd ma kien joqgħod fih la solitament u wisq anqas insolitament.

“U kif qatt seta’ meta ġie dikjarat li l-kuntrartt tal-kera lanqas għadu biss sar u li lanqas mal-elettur għadu ngħata ċ-ċwievet għaliex dawn għadhom f’idejn id-Dipariment tal-Housing u se jingħataw mal-kuntratt.?

“Dan irriżulta mix-xhieda ta’ Andrew Xuereb, Supervisor fis-Sezzjoni tal-Housing Authority. Minn xhieda tar-rappreżentant ta’ Identità, rriżulta li ntbagħtu uffiċjali minn tagħha fil-binja sabiex ibiddlu l-karta ta’ identita ta’ persuni li kienu ġew allokati appartament fil-Binja Silvio Parnis, wara li saret talba mill-uffiċċju ta’ Malta Investments plc. preżentement mill-Uffiċċju tas-CEO.

“Irriżulta li uffiċjali ta’ Identità marru fil-binja, f’kamra numru 711 f’Entratura 7, fejn hemm bdew jilqgħu eletturi li ntbagħtu jbiddlu l-karta tal-identità fuq indirizz ġdid. L-applikazzjoni għal din il-bdila saret fl-10 ta’ April li għadda”, qalet l-Uffiċjal Reviżur.

Irriżulta wkoll li mhux minnu li tali bidla kienet meħtieġa sabiex l-elettur seta’ japplika għad-dawl u l-ilma u dan għaliex mix-xhieda tar-rappreżentant ta’ Arms Ltd irriżulta li f’kull każ, l-applikazzjoni ddaħħlet għand l-Arms Ltd mis-CEO ta’ Malta Investments Ltd. Jennifer Falzon.

Ħareġ li l-applikazzjoni għad-dawl u l-ilma saret jumejn qabel ma nstema’ r-rikors elettorali, proprju fis-6 ta’ Mejju, 2024, fit-2.53pm. u li sa inqas minn 48 siegħa wara kif ħareġ waqt l-aċċess, l-appartament kien ingħata d-dawl u l-ilma. Effiċjenza straordinarja li wieħed jawgura li tibqa’ għaddejja għal kull applikant mil-lum ‘il quddiem, qalet l-uffiċjal reviżur. Maġistrati oħra qed jilqgħu t-talba tal-PN li tikkonferma li dan kollu sar biss għal skop politiku.

Għall-PN qed jidher l-Avukat Karol Aquilina.