Il-Partit Nazzjonalista qed ikompli l-impenn tiegħu fil-lokalitajiet madwar Malta u Għawdex għax hu kkonċentrat li jaħdem għalik. Flimkien nistgħu nagħmlu Malta u Għawdex aħjar.
Dan kien il-qofol tal-messaġġ tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista matul żjarat fil-Gżira, il-Floriana u Santa Luċija, bit-tema “Għalik fil-Lokalità”, fejn kien akkumpanjat mill-kandidati tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali, kif ukoll diversi Deputati u residenti tal-lokalitajiet rispettivi.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-kandidati tal-Partit Nazzjonalista għaż-żewġ elezzjonijiet qed joffru s-servizz tagħhom u huma ffukati biex jaħdmu għalik. Qed jaħdmu bħala tim wieħed għall-kuntrarju ta’ lokalitajiet fejn hemm maġġoranza Laburista, bħal fil-Gżira, fejn matul il-leġiżlatura ddomina l-ġlied kontinwu fost il-Kunsillieri Lokali Laburisti, b’akkużi li l-Gvern Laburista qed jaħdem kontra l-interessi tal-Gżirjani.
Dwar il-Kunsillieri tal-Partit Nazzjonalista fil-Floriana, hu fakkar kif kien l-impenn tagħhom li wassal biex jitjieb l-ambjent fil-lokalità, partikolarment fid-diversi ġonna, kif ukoll biex il-Fosos ikunu protetti. f
F’Santa Luċija, fakkar kif kunsillier lokali wieħed għamel kisbiet kbar, fosthom li rnexxielu jkun fuq in-naħa tal-poplu billi jżomm milli jsir żvilupp sproporzjonat. Għaldaqstant, wieħed jista’ jifhem kemm isir aktar xogħol jekk il-Partit Nazzjonalista jkollu kunsillier lokali ieħor f’dawn il-lokalitajiet ukoll.
Il-Partit Nazzjonalista, li jaħdem fuq livell nazzjonali, Ewropew u anke lokali biex ikunu indirizzati l-ħtiġijiet ta’ kull Malti u Għawdxi. Fil-fatt, hu elenka wħud mill-proposti tal-Partit Nazzjonalista għall-Gżira, il-Floriana u Santa Luċija dwar temi li jolqtu lin-nies direttament bħall-ambjent, l-indafa u s-sigurtà, fost oħrajn.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista fakkar ukoll kif il-Partit ħadem u se jibqa’ jaħdem favur governanza aħjar għall-kuntrarju tal-Partit Laburista li issa m’għadux jistaqsi fejn huma l-provi wara li l-Qorti ddeċidiet li l-Gvern għamel kuntratt frawdolenti biex jagħti tliet sptarijiet. Il-fatti huma li issa hu biss il-Partit Nazzjonalista li qed jipprova jġib lura l-€400 miljun, filwaqt li Robert Abela ma jridx għax jaf li xi miljuni minnhom marru fi bwiet sħabu u għalhekk, irid jibqa’ jiddefendihom. Hu għalhekk li l-Partit Nazzjonalista jrid ikompli jaħdem għalik.
Tenna li flimkien nagħmlu d-differenza. Hu għalhekk li l-poplu jrid jagħżel bejn Gvern li ma jinteressahx minnek għax hu aljenat u mitluf fil-problemi interni, u Partit Nazzjonalista li qed jippreżenta kandidati ddedikati għalik. Hu tenna wkoll l-appell lil dawk li għad m’għandhomx id-Dokument tal-Vot biex ifittxu jiġbruh għax qal li hu ċ-ċavetta biex tagħżel il-ġid tal-għeżież tiegħek, tal-lokalità u ta’ Malta u Għawdex tagħna.
//= $special ?>