Internazzjonali

IRAN: Funerali ta’ tlett ijiem se jibdew illum

L-uffiċċji u n-negozju tal-gvern kollha se jingħalqu madwar l-Iran illum hekk kif il-pajjiż jibda funerali ta’ tlett ijiem għall-President Iranjan Ebrahim Raisi u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin Hossein Amir Abdollahian.

Se jsiru ċerimonji tal-funerali separati għall-President Iranjan u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin fil-belt ta’ Tabriz u l-belt qaddisa ta’ Qom.

L-ewwel wieħed beda fit-8am ħin ta’ Malta. Id-difna tal-President Raisi se ssir f’Mashhad, il-belt fejn twieled, nhar il-Ħamis.

Ilbieraħ, mijiet ta’ persunai nġabru fil-pjazza taċ-ċentru ta’ Vali-e-Asr b’kartelluni tal-President. Xi rġiel dehru bil-kuruni tat-talb u kienu qed jibku, filwaqt li nisa lebsin ilbies iswed inġabru flimkien iżommu ritratti tal-mexxej mejjet.

Filwaqt li kien hemm dimostranti Iranjani li esprimew “ferħ” għall-mewt tal-President Raisi, li kien imsejjaħ il-“Biċċier ta’ Tehran”, kien hemm min saħansitra qal li din kienet “aħbar tajba ħafna”, u li “ħaġa li għamlithom tassew kuntenti f’dawn l-aħħar ħames snin kienet l-aħbar tal-mewt ta’ Raisi.”

Iż-żmien li dam President, Raisi kien jinkludi protesti kbar fuq Mahsa Amini – il-mara li mietet wara li ġiet arrestata talli allegatament ma libsetx il-hijab tagħha kif suppost.

L-Istati Uniti qalet li Raisi kellu “jdejh imċappsin bid-demm” peress li kien “parteċipant brutali fir-repressjoni tal-poplu Iranjan għal kważi erba’ deċennji”.