Il-maġġoranza tal-Iranjani qed jieħdu sehem fil-programm taċ-ċerimonji funebri għall-President Iranjan Ebrahim Raisi li miet nhar il-Ħadd f’inċident bil-ħelikopter waqt li hu kien qed jirritorna lura pajjiżu mill-Ażerbajġan. Miegħu fl-inċident mietu anki l-Ministru Iranjan għall-Affarijiet Barranin, Hossein Amirabollahian u sitta oħra – bl-Iran bħalissa, għaddej minn perjodu ta’ luttu fuq livell nazzjonali u li jdum sal-Ġimgħa.
L-ewwel fażi tal-purċissjoni funebri qed issir fil-belt ta’ Tabriz, viċin is-sit fejn iġġarraf il-ħelikopter tal-President u fejn eluf ta’ Iranjani favur ir-reġim Iżlamiku ħarġu bi ħġarhom fit-toroq.
Madankollu – u minkejja dawn iċ-ċerimonji – hemm anki eluf kbar tal-Iranjani li qed jiċċelebraw il-mewt tal-President Raisi – personalità ewlenija tar-reġim Iżlamiku mlaqqam ‘il-Bojja ta’ Tehran’ wara li hu, bħala Eks Kap tal-Ġudikatura Iranjana, kien ordna l-qtil ta’ għexieren ta’ eluf ta’ priġunieri politiċi lejn l-aħħar tat-tmeninijiet.
Fl-istess ħin, il-Ministeru tal-Ġustizzja Iranjan qed jinvestiga lill-Iranjani li ħallew l-allegati ‘insulti u espressjonijiet ta’ mibegħda’ għal Raisi fuq il-media soċjali.
Dan bil-ħsieb li kull min kiteb il-messaġġi li ma jdoqqux għal widen ir-reġim, jispiċċa arrestat u mitfugħ il-ħabs mill-awtoritajiet li bl-ebda mod ma jittolleraw l-espressjoni tal-kelma libera.
Fl-aħħar sigħat, il-katavri ta’ Raisi u l-vittmi l-oħrajn tat-tiġrif kienu qed jitwasslu minn Tabriz lejn il-belt reliġjuża ta’ Qom. Dan meta l-korteo anki, ‘il quddiem, irid jgħaddi mill-kapitali, Tehran, kif ukoll mill-belt ta’ Masshad fejn kien trabba Raisi – u fejn nhar il-Ħamis issir id-difna tal-President,
Għada l-Erbgħa, hu dikjarat bħala vaganza pubblika fl-Iran u meta f’Tehran għandu jsir il-funeral statali għall-President. Il-funeral mistenni jattendu għalih għexieren ta’ eluf tal-Iranjani u fejn l-Ayatollah Ali Khamenei, bħala l-Mexxej Suprem tal-Iran, għandu jmexxi personalment ir-ritwali tat-talb fiċ-ċentru tal-kapitali.
Sadanittant, l-osservaturi qed jevalwaw ir-riperkussjonijiet politiċi għall-Iran wara l-mewt ta’ Raisi – u meta l-poplu Iranjan fit-28 ta’ Ġunju għandu joħroġ jivvota għal President ġdid.
Dan, fil-fatt, jista’ jitqies bħala kapitlu ġdid għall-Iran u l-Konservattivi fil-Gvern li, bħalissa, qegħdin jgħaġġlu biex jikkonsolidaw il-kontroll tal-istituzzjonijiet kollha tal-Istat magħmulin mill-membri eletti u mhux eletti.
L-osservaturi barranin sadanittant jemmnu li minkejja li r-reġim tal-Ayatollah Khamenei qed jagħmel li jista’ biex jipproġetta dehra ta’ stabbilità, l-affarijiet għar-reġim ‘jistgħu ma jkunux sempliċi daqskemm jistgħu jidhru.’
//= $special ?>