Is-Sindku ta’ Santa Venera, Stephen Sultana, ġie illiberat minn kull akkużi fosthom li saq taħt l-influwenza tax-xorb. Is-Sindku Laburista ta’ Santa Venera, Stephen Sultana kien qed jiffaċċja wkoll akkużi li ma ħalliex lill-uffiċjali tal-LESA jagħmlulu test tal-breathalyser.
Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Viktor Axiak, illiberat lil Stephen Sultana, li huwa wkoll is-CEO tal-isptar Boffa, wara li fl-2022 tressaq il-Qorti u fejn hu dejjem ċaħad l-akkużi kollha miġjuba kontrih. L-uffiċjali tal-LESA qal fil-Qorti li s-Sindku Laburista mhux talli rrifjuta li jobdi l-ordnijiet tagħhom, iżda saħansitra saq ‘l hemm b’mod perikoluż tant li kważi tgħajjar wieħed minnhom.
Madankollu, dan ma kienx ippruvat fil-Qorti li emmnet il-verżjoni tas-Sindku u sostniet li x-xhieda tal-uffiċjali tal-LESA ma kinux kredibbli. Fix-xhieda tiegħu, Sultana qal li ma kienx fis-sakra, qatt ma ntalab jagħmel test tal-breathalyser u sostna wkoll li dakinhar huwa waqaf ikellem lill-uffiċjali tal-LESA għax innota li kienu qed jonqsu mill-qadi ta’ dmirijietom. Sostna wkoll li dan l-aġir kien innutat anke fil-ġranet ta’ qabel u informa lill-persuna inkarigata mis-superviżjoni tal-istess uffiċjali.
L-inċident kien seħħ fil-ġimgħa tal-festa ta’ Santa Venera għall-ħabta tas-2am, bl-uffiċjali tal-LESA jixhdu li Sultana kien twaqqaf fir-roundabout tal-arkata ta’ Wignacourt, wara li fil-fehma tagħhom huwa kien qed isuq sewqan perikoluż u taħt l-influwenza tal-alkoħol.
Huma allegaw ukoll li l-akkużat irrifjuta li jagħmel test tal-breathalyser, qabel ma saq b’mod perikoluż u kważi laqat wieħed minnhom. Fid-deċiżjoni tagħha, il-Qorti sabet lil Stephen Sultana mhux ħati u illiberatu minn kull akkuża wara li kellha dubji raġonevoli dwar ix-xhieda taż-żewg uffiċjali.
Fis-sentenza tiegħu, il-Magistrat Axiak qal li l-prosekuzzjoni naqqset ukoll milli tipprovdi evidenza li Sultana kien taħt l-influwenza tax-xorb.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-ispetturi Nicholas Vella u Rachel Aquilina. Għal Stephen Sultana dehru l-avukati Franco Debono u Marion Camilleri.
//= $special ?>

