“Jekk il-Gvern finalment imur għad-deċiżjoni li jippubblika l-pakkett ikun dak li jkun qed joffri l-Gvern u ma jkunx għadu ftehim. B’din il-mossa l-Gvern ikun qed imexxi bl-attitudni ta’ take it or leave it li hija inaċċettabbli.”
Hekk stqarr il-President tal-MUT, Marco Bonnici waqt il-programm Net Live hekk kif għadu ma ntlaħaq l-ebda qbil fil-konfront tal-pakkett finanzjarju għall-edukaturi.
Marco Bonnici qal li huwa inaċċettabbli li l-Gvern ta’ Robert Abela jippubblika l-ftehim tal-għalliema għaliex mal-mument li jagħmel dan l-Gvern ikun qed jieħu attitudni ta’ take it or leave it.
Apparti minn hekk, Marco Bonnici qal li n-negozjati staġnaw meta l-Ministru Clifton Grima għadda Comprehensive Document lill-union bi proposti problematiċi hekk kif kien se jaffettwa lill-gradi tekniċi kollha tal-edukaturi u li ma ssemgħux qabel.
Waqt il-programm Marco Bonnici fakkar li l-ftehim ilu li skada minn Diċembru tal-2022 u sal-lum għadu ma ntlaħaq l-ebda qbil. Bil-President tal-MUT jisħaq li l-għalliema jixtiequ paga li verament se tirrikonixxi l-ħidma tagħhom.
Marco Bonnici qal li taw diversi opportunitajiet lill-Gvern sabiex ikomplu bin-negozjati minflok jieħdu passi ulterjuri iżda l-MUT ma kelliex għażla oħra għajr li tħabbar ultimatum li se jiskadi nhar il-Ġimgħa li ġej.
Mistoqsi fuq iż-żiediet li semma’ l-Gvern, il-President tal-MUT sostna li ż-żieda li hemm hija ferm inqas minn dik li ħabbar il-Gvern ta’ Robert Abela.
Intant, l-MUT tittama li tilħaq qbil fuq il-pakkett finanzjarju tal-għalliema fiż-żmien stipulat mill-ultimatum iżda jekk il-Gvern ta’ Robert Abela se jkompli jsabbat saqajh il-union mhux se jkollha għażla oħra għajr li tħabbar azzjonijiet industrijali fl-iskejjel tal-Istat kif ukoll fl-iskejjel tal-Knisja.
//= $special ?>