Internazzjonali

Mijiet ta’ Taljani niżlu fit-toroq wara terremot qawwi li laqat iz-zona ta’ Napli

Biża' li jiżbroffa l-vulkan Campi Flegrei

Terremot qawwi li laqat iz-zona ta’ Napli lbieraħ filgħaxija wassal biex mijiet ta’ residenti jinżlu fit-toroq b’paniku ta’ ħsarat kbar fil-bini.

It-terremot li kellu qawwa ta’ 4.4 fuq l-iskala Richter, ġie rreġistrat għall-ħabta tat-8pm u beda minn madwar 1.6 mili fond. Dan it-terremot ġie wara terremot ieħor li għamel ftit mumenti qabel u li kellu qawwa ta’ 3.5 fuq l-iskala Richter. Dawn it-terremoti qed ikunu meqjusa bħala l-agħar li qatt seħħew f’dawn l-aħħar 40 sena.

Fil-ħin ta’ wara nħassu għexieren ta’ afterskocks, bin-nies għażlu li jqattgħu llejl barra fit-triq minħabba biża’ ta’ iktar terremoti. B’kollox kien hemm madwar 150 theżżiża.

Is-servizzi tal-emerġenza rraportaw li dehru qsim fil-bini, b’oħrajn saħansitra sofrew minn ħsarat kbar tant li biċċiet mill-bini waqgħu fit-triq.

Filmati juru fliexken u prodotti mifruxin tul supermarket partikolari fir-raħal ta’ Pozzuoli. Fil-fatt, l-epiċentru ta’ dawn it-terremoti kien proprju f’dan ir-raħal.

Mal-lejl, membri tal-Protezzjoni Ċivili tellgħu għadd ta’ tined u kampijiet biex ir-residenti jkunu jistgħu jqattgħu llejl fihom minħabba biża’ li jidħlu lura fi djarhom.

Hemm saħansitra biża’ li l-vulkan Campi Flegrei, li jinsab fin-naħa t’isfel tal-Italja jisbroffa wara dan iċ-ċaqliq taħt l-art.