Lokali

Repubblika mhux se torganizza attività pubblika meta Joseph Muscat se jiffaċċja akkużi fil-Qorti

Repubblika mhux se torganizza attività pubblika nhar it-Tlieta 28 ta’ Mejju meta filgħodu se jitressaq il-Qorti l-Eks Prim Ministru Joseph Muscat fuq akkużi ta’ frodi u korruzzjoni fost oħrajn. L-NGO permezz tal-President Onorarju tagħha Robert Aquilina, f’post fuq Facebook qalet li hi dejjem ħadmet biex tinżamm il-buon ordni fil-pajjiż.

Qalet li dan waqt il-protesti tal-massa tal-2019 u li dan se jsir ukoll f’dan il-mument. In-Nutar Aquilina qal dan fid-dawl tal-fatt li skont hu, Joseph Muscat qed ikompli jsaħħan l-irjus biex jiffranka l-konsegwenzi tal-qerq li wettaq meta kien Prim Ministru.

Tenna wkoll li hu evidenti li dan l-aġir irresponsabbli ta’ Muscat joħloq sfida kbira għall-Pulizija biex iżommu l-buon ordni f’dan il-mument delikat. Aquilina qal li Repubblika kitbet lill-Kummissarju tal-Pulizija biex jinfurmawh li minn naħa tagħha mhijiex se torganizza l-ebda attività dakinhar.

Sar appell ukoll lill-Maltin u l-Għawdxin ta’ rieda tajba biex il-ġustizzja titħalla tieħu l-kors tagħha u sabiex ħadd ma jaqa’ għall-ebda provokazzjoni. Fl-ittra mibgħuta min-Nutar Aquilina u l-Kumitat Eżekuttiv ta’ Repubblika, ntqal li huma konxji li Joseph Muscat qed isejjaħ lis-segwaċi tiegħu biex jinżlu fit-toroq dakinhar ta’ meta se jitressaq il-Qorti.

L-ittra tgħid ukoll li Repubblika hi konxja li din il-mobilizzazzjoni toħloq sfida lill-Korp tal-Pulizija biex tinżamm il-buon ordni dakinhar tat-28 u d-29 ta’ Mejju li ġejjin, speċjalment invista tal-kampanja ta’ tixwix u gideb li wettaq u għadu qed iwettaq l-istess Joseph Muscat flimkien mal-Prim Ministru Robert Abela u esponenti oħra tal-Gvern u tal-Partit Laburista kontra l-membri tal-ġudikatura, kontra ġurnalisti u attivisti tas-soċjetà ċivili li kisbu l-imsemmija inkjesta.

“Int taf ben tajjeb, għaliex anke ikkonfermajtli dan personalment, illi minkejja d-diżapprovazzjoni qawwija tagħna għat-tmexxija tal_Korp tal-Pulizija kemm taħt il-predeċessur tiegħek Lawrence Cutajar kif ukoll taħtek, aħna dejjem konna proattivi fl-isforz tagħna biex nikkollaboraw mal-Korp tal-Pulizija fiż-żamma tal-buon ordni f’pajjiżna.

“Aħna kontra kull forma ta’ vjolenza u għalhekk bi ħsiebna nkomplu nagħtu l-kontribut tagħna biex anke f’dan iż-żmien ta’ tensjoni tinżamm l-ordni f’pajjiżna. Fid-dawl ta’ dan kollu, qiegħed ninfurmak li Repubblika mhi se torganizza l-ebda attività pubblika nhar it-28 u d-29 (meta se jitressqu Chris Fearne u Edward Scicluna) ta’ Mejju li ġej, la fil-Belt u lanqas f’partijiet oħra tal-pajjiż.

“Qed ninfurmak b’dan fi spirtu ta’ kollobaborazzjoni sabiex il-Korp tal-Pulizija jkun f’pożizzjoni aħjar li jaffronta dan il-mument delikat,” temmet tgħid l-ittra indirizzata lill-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà.