Lokali

Tmien adulti minn pajjiżi differenti rċivew is-sagrament tal-griżma tal-isqof

Tmien persuni adulti rċivew is-sagrament tal-griżma tal-isqof nhar il-Ħadd li għadda, 19 ta’ Mejju, fil-festa tal-Għid il-Ħamsin (Pentekoste) mill-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi waqt quddiesa fil-Knisja Parrokkjali ta’ Marija Lunzjata, f’Ħal Balzan.
Dawn il-persuni huma minn pajjiżi differenti, fosthom Malta, il-Brażil, Franza, il-Kolombja
u l-Ġermanja.


It-tmien kandidati ilhom għal dawn l-aħħar xhur jitħejjew minn katekisti li jagħmlu parti mill-Ministeru għall-Bidu tal-Ħajja Nisranija tal-Adulti fi ħdan l-Arċidjoċesi ta’ Malta. Il-katekisti ggwidawhom sabiex jiskopru l-identità tagħhom bħala wlied Alla, għallmuhom jisimgħu l-Kelma ta’ Alla, u rawmuhom fl-imħabba lejn il-proxxmu.

Filwaqt li fil-magħmudija huma l-ġenituri u l-parrini li jiddeċiedu li t-tarbija għandha ssir parti mill-komunità Nisranija, fis-sagrament tal-griżma tal-isqof — b’mod konxju u matur — il-persuna nnifisha tieħu dan l-impenn bil-qawwa mġedda tal-Ispirtu s-Santu wara li tkun diġà rċevietha fil-magħmudija.

Fl-istess quddiesa, ħadu sehem ukoll uħud mill-adulti li tgħammdu mill-Arċisqof Charles Scicluna f’Sibt il-Għid. Fil-festa tal-Għid il-Ħamsin l-imgħammdin ġodda jtemmu perjodu ta’ 50 ġurnata wara l-magħmudija tagħhom, li matulu jkomplu jirċievu katekeżi u formazzjoni liturġika dwar il-ħajja Nisranija, speċjalment dwar is-sagramenti.