Lokali

Żewġ żgħażagħ ta’ 18-il sena arrestati wara serqa armata minn residenza fin-Naxxar

Żewġ żgħażagħ ta’ 18-il sena ġew arrestati fuq suspett li wettqu serqa armata minn residenza fin-Naxxar għall-ħabta tas-2.30 am.

Rapporti li daħlu għand il-Pulizija kienu jgħidu li fi Triq il-Port Ruman, San Pawl il-Baħar, kien hemm żewġ persuni suspettużi u li kienu fil-pussess ta’ arma kbira li taqta’ u bil-ponta.

Fil-post marru l-Pulizija u fl-istess triq ġew innutati ż-żewġ persuni li kienu jaqblu mad-deskrizzjoni li ngħatatilhom. Dawn twaqqfu u minn tfittxija li saret fuqhom instabu fil-pussess ta’ mannara, machete u ammont ta’ ġojjellerija. Huma ġew arrestati fil-post u ttieħdu l-għassa għal aktar stħarriġ.

Matul l-investigazzjonijiet, il-Pulizija skopriet li l-ġojjellerija li nstabet fil-pussess tal-arrestati, allegatament insterqet minn residenza li tinsab fi Triq Ta’ l-Imdawra, fin-Naxxar, ftit tal-ħin biss qabel. Mill-investigazzjonijiet irriżulta wkoll li ftit tal-jiem ilu nsterqet ukoll vettura mill-istess proprjetà u saru ħsarat fuq numru ta’ vetturi fl-istess inħawi, allegatament mill-istess żgħażagħ li ġew arrestati.

Iż-żewġ persuni, Ingliż residenti San Pawl il-Baħar u Malti residenti l-Mosta, ser ikunu qegħdin jitressqu l-Qorti fil-jiem li ġejjin.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.