“Jekk għandek xi informazzjoni dwar dak li se jiġri nhar it-Tlieta, għandek tmur immedjatament għand il-Kummissarju tal-Pulizija”.
Hekk stqarr il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech meta kkundanna dak li qal ilbieraħ il-Prim Ministru b’rabta mal-protesta li se ssir nhar it-Tlieta quddiem il-Qorti meta se jitressqu Joseph Muscat, Konrad Mizzi u Keith Schembri – flimkien ma’ oħrajn. Robert Abela qed jgħid li din hija “nassa” kontra l-Laburisti.
“Abela b’diskors intenzjonat biex isaħħan l-irjus”, stqarr il-Kap tal-PN. Dan filwaqt li wissieh biex jieqaf b’din it-tip ta’ attitudni.
Bernard Grech wassal appell għal imġiba tajba minn kulħadd, biex l-istituzzjonijiet jitħallew jaħdmu. “Taqgħux għall-provokazzjoni tan-nies”.
Il-protesta ta’ nhar it-Tlieta qed tiġi organizzata minn Jason Micallef, Manuel Cuschieri, Charlon Gouder u oħrajn; kollha b’sejħa biex it-Tlieta li ġej jiġbru folla kbira barra l-Qorti.
Apparti minn hekk, Muscat innifsu għaddej b’sensiela ta’ laqgħat fil-lokalitajiet biex ikompli jwassal il-messaġġ li huwa innoċerti.
It-Tlieta, l-Eks Prim Ministru se jitressaq akkużat bi frodi, korruzzjoni, ħasil ta’ flus u s-sehem f’organizzazzjoni kriminali b’rabta mas-serqa tal-isptarijiet li swiet lill-poplu tagħna miljuni kbar ta’ ewro.
//= $special ?>