Lokali

Aktar provi li juru kif għaddew il-flus minn Vitals

Shaukat Ali, li huwa mifhum li kien il-persuna li kien qed jieħu d-deċiżjonijiet f’isem Vitals Global Healthcare u li kien involut direttament  mal-kumpanija Bluestone, kien għamel kuntratt li jsarraf transazzjonijiet diretti lilu ta’  €100,000 fix-xahar; flus li jaqbżu sew il-miljun ewro KULL SENA.

Skont it-Times, apparti dawn il-flus, ix-shareholder tal-Vitals kellu wkoll karozza tal-kumpanija li kienet tiswa’ iktar mill-karozza tad-direttur ta’ Vitals, Ram Tumuluri. Dan filwaqt li l-mara tiegħu, li kienet membru fil-Bord tal-Vitals, irċeviet il-miljuni mingħand Vitals… u t-tifel tiegħu kien ukoll imdaħħal f’dan id-deal frawdolenti.

Waħda mil-kumpaniji li mart Ali kienet fil-bord tagħha, Mount Everest FZ, kienet l-ewwel negozju li Bluestone ħallset wara li rċeviet il-flus mingħand il-Gvern Malti. Jidher ukoll li meta Vitals bdew ifittxu awditur għall-kotba finanzjarji, huma qabbdu lil Saba Abbas u anke lil Chris Spiteri, li kienu nies qrib ħafna ta’ Shaukat Ali.

Spiteri huwa wieħed minn dawk li se jitressqu l-Qorti l-ġimgħa d-dieħla, akkużati b’din is-serqa tal-isptarijiet.

It-Times irrappurtat kif Shaukat Ali għandu permess ta’ residenza f’Malta li kiseb meta xtara l-passaport… u eventwalment sar ukoll ċittadin.

Investigazzjonijiet li saru fl-aħħar snin juru li Ali għandu tliet passaporti separati, u l-aġenzija Identità ma għandha l-ebda rekord tal-permessi tiegħu jew tal-passaport.

Shaukat Ali kien akkużat bi frodi ta’ miljuni lura fl-2002 fil-Pakistan. Madanakollu u ngħata l-maħfra presidenzjali f’pajjiiżu… u ftit tas-snin wara xtara ċ-ċittadinanza tagħna bl-iskema li ħoloq Joseph Muscat.