Futbol Sport

Atalanta jirbħu l-Europa League b’hat-trick ta’ Lookman kontra Bayer Leverkusen

(Ritratt: EPA)

Atalanta rebħu l-ewwel unur Ewropew fl-ewwel final Ewropea fl-istorja tagħhom meta għelbu lil Bayer Leverkusen bl-attakkant Lookman ikun l-eroj tal-Bergamaschi meta skorja hat-trick.

Ir-riżultat jista’ jitqies bħala sospriża, l-iktar meta wieħed iqis li Bayer Leverkusen kienu għadhom mingħajr telfa f’dan l-istaġun, iżda Atalanta kienu f’serata perfetta fejn taw prestazzjoni mill-aqwa, prestazzjoni li ġabet fix-xejn lil Bayer Leverkusen.

Bidu veloċi u mill-iktar aggressiv miż-żewġ naħat. L-ewwel azzjoni ta’ Atalanta wara tmien minuti bi kross mix-xellug ta’ Ruggeri u daqqa ta’ ras ta’ Scamacca tmur barra.

Il-bidu qawwi ta’ Atalanta ħalla l-frott fit-13-il minuta meta l-Bergamaschi marru fil-vantaġġ. Azzjoni fuq il-lemin bejn Koopmeiners u Zappacosta u kross fil-baxx fejn Lookman daħal bħal sajjetta u spara l-ballun fir-rokna ta’ fuq tax-xibka.

L-ewwel reazzjoni ta’ Leverkusen tasal ħames minuti wara b’xutt ta’ Stanisic ċentrali li kien faċilment salvat minn Musso. Fl-20 minuta Lookman jisraq ballun importanti u jqassam lejn Scamacca li spara ferm għoli.

Fis-26 minuta Atalanta skorjaw it-tieni goal meta Lookman ħataf ballun ieħor wara inċertezza fil-midfield ta’ Leverkusen, u wara li qabeż lil Xaka spara ġmiel ta’ xutt minn tarf il-kaxxa li għeleb għalkollox lill-goalkeeper Kovar.

Risposta rari ta’ Leverkusen wara ballun mitluf minn De Ketelaere fl-34 minuta, iżda Grimaldo xeħet f’idejn Musso li ħareġ minn postu biex jagħlaq l-angolu. Fit-42 minuta azzjoni ta’ kontrattakk ta’ Atalanta u xutt ta’ De Ketelaere kien salvat mal-art minn Kovar. Fil-ħin miżjud, xutt ta’ Xaka mar ftit barra.

Fil-bidu tat-tieni taqsima, kif wieħed kien jistenna, kienu Leverkusen li ħadu l-inizjattiva hekk kif Atalanta naqqsu xi ftit mir-rtimu tagħhom. L-ewwel periklu taċ-champions Ġermaniżi wasal fit-58 minuta għand Frimpong li spara għoli minn qagħda tajba.

Iżda wara bidu tajjeb, kienu Atalanta li reġgħu ħadu l-kontroll tal-logħba anki jekk ma kienx hemm azzjonijiet perikolużi, la fuq naħa u lanqas fuq oħra. Kwarta mit-tmiem, Atalanta għalqu l-logħba bit-tielet goal, gawrha oħra ta’ Lookman li rċieva mingħand Scamacca u spara fir-rokna ta’ fuq tax-xibka.

Il-logħba issa kienet mirbuħa u mitmuma, u Atalanta kkontrollaw l-aħħar attentati ddisprati tal-Ġermaniżi biex kisbu rebħa storika.