“Edward Scicluna baqa’ fit-tmun tal-Bank Ċentrali ta’ Malta minkejja l-akkużi li qed jaffaċċja fil-Qorti, effettivament ikkonferma li biegħ id-diċenza u l-integrità tiegħu biex iżomm imnieħru mdeffes sew fil-ħawt,” stqarr il-Kap tad-Delegazzjoni tal-PN David Casa.
Casa kien qiegħed fi Pjazza Kastilja, ħdejn cut-out ta’ Edward Scicluna jżomm bużżieqa ta’ ħanżir liebes nuċċali u b’tabella ‘FOR SALE’ taqra ‘INTEGRITÀ’, bil-prezz stabbilit għal ‘€150,000 fis-sena, jew l-eqreb offerta’.
“Hu tal-mistħija li l-Professur Sciculna ddeċieda li jibqa’ fil-kariga minkejja l-akkużi.”
“Scicluna kien fil-kontroll tal-finanzi tal-pajjiż meta l-poplu Malti ġie ffrodat minn €400 miljun permezz tal-ftehim korrott tal-isptarijiet. Dawn il-fatti mhumiex ikkontestati.”
“Jew kien kompletament inkompetenti jew kien konxju sew ta’ dak li kien qed jiġri, iddeċieda li jħares in-naħa l-oħra u sussegwentement ġie ppremjat għall-kompliċità tiegħu.”
“Messu rriżenja ħafna ilu. Iżda issa li qed jiġi akkużat kriminalment għall-involviment tiegħu, it-tkomplija tal-mandat tiegħu qed jikkawża ħsara irreparabbli lil Malta u r-reputazzjoni tagħha u jpoġġi f’riskju l-għajxien ta’ dawk li jaħdmu fis-settur finanzjarju.”
“Biegħ l-integrità u d-diċenza tiegħu biex iħalli lill-kriminali jsiru sinjuri minn fuq dahar il-poplu Malti u issa qed ikompli jitħanżer hu stess. Għandu jirriżenja immedjatament, diġà tard wisq,” stqarr l-MEP Casa.
//= $special ?>