Elezzjonijiet 2024 Lokali

“Ejjew flimkien inkunu pożittivi u nkomplu nagħmlu l-ġid għall-poplu Malti u Għawdxi” – David Agius

“Il-Partit Nazzjonalista ser jibqa’ jitkellem għall-poplu Malti u Għawdxi,” hekk saħaq il-kandidat għall-Parlamet Ewropew David Agius f’attività politika f’Misraħ Santa Venera, f’Santa Venera.

David Agius beda d-diskors tiegħu billi saħaq li proprju f’Santa Venera kellu jsir proġett tar-roof garden, proġett li wiegħed il-Gvern Laburista imma dan ma twettaqx. Fil-fatt, diversi residenti ilmentaw minħabba dan il-proġett kif ukoll minħabba n-nuqqas ta’ parkeġġ kif ukoll l-ammont ta’ traffiku. Dan kollu huwa riżultat tan-nuqqas ta’ poter li għandhom il-kunsilli lokali

Agius semma l-isfidi li jiltaqgħu magħhom iċ-ċittadini Maltin u Għawdxin kuljum, fosthom il-problemi tal-għoli tal-ħajja, il-problemi ta’ mediċini out of stock, sptar li mhux ilaħħaq mal-ammonti kbar ta’ nies, kif ukoll studenti li ma jafux hux ser jagħmlu l-eżamijiet. Dan kollu minħabba l-inkompetenza tal-Gvern Laburista.

Huwa semma ukoll il-benefiċċji frott tal-fondi tal-Unjoni Ewropea grazzi għall-Partit Nazzjonalista. Fondi li permezz tagħhom saru investimenti b’saħħithom biex jindirizzaw l-isfidi tal-ilma kif ukoll saħħew is-settur ekonomiku u ankè tejbu l-edukazzjoni. Għalhekk għoliet il-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u Għawdxin.

Huwa qal li l-Partit Nazzjonalista ser jibqa’ jaħdem biex iġib aktar proġetti f’Malta.