Ħamrun Beach Soccer laħqu lil Naxxar Lions fil-quċċata tan-Nestle Ice Cream Beach Soccer Tournament meta rebħu ż-żewġ logħbiet li lagħbu matul din il-ġimgħa. B’kuntrast, Naxxar Lions sofrew żewġ telfiet konsekuttivi sabiex naqsu milli jżommu l-konsistenza li bdew biha din il-kompetizzjoni.
Il-Ħamruniżi għelbu lil Birżebbuġa Tigers 7-4 f’logħba li huma ddominaw għal ħafna ħinijiet.
Emanuel Garba skorja erba’ gowls b’Nezar Abouaisa jiskorja doppjetta. Chris Baker għaqqad l-iskor favur it-tim tiegħu. Birżebbuġa naqqsu l-marġni tal-iskor permezz ta’ Escobar del Castillo, Nigel Spiteri, Brandon Bray u Lydon Cuschieri.
Ħamrun kisbu wkoll il-punti massimi fil-logħba diretta kontra Naxxar li huma rebħu 7-4. Dawn tal-aħħar ġew sorpriżi mill-Ħamruniżi li wrew l-intenzjonijiet ċari sa mill-bidu. Emanuel Garba kompla jiskorja aktar gowls meta sab ix-xibka sitt darbiet bi Chris Baker iżid ieħor. In-Naxxarin skorjaw il-gowls tagħhom permezz ta’ doppjetta ta’ Lee Joe Schembri u gowls oħrajn ta’ John Paul Zammit u Nicholas Schembri.
La Playa de Arena approfittaw minn dawn ir-riżultati hekk kif kienu fl-azzjoni tliet darbiet fejn irreġistraw żewġ rebħiet u telfa waħda.
Huma għelbu wkoll lil Naxxar Lions 7-4 b’Indrek Palm jiskorja doppjetta u Daryl Micallef, Sheldon Mizzi, Pak Ling Li, Jonathan Grech u Mantas Makutunivicius iniżżlu wkoll isimhom fost l-iskorers. Naxxar sabu x-xibka b’doppjetta ta’ Daniel Zerafa, Yessous Camilleri u Lydon Micallef.
La Playa de Arena rreġistraw ukoll rebħa oħra tajba ta’ 8-6 kontra Birżebbuġa Tigers. Pak Ling Li, Daryl Micallef, Mantas Makutunuvicius u Sheldon Mizzi skorjaw żewġ gowls kull wieħed għar-rebbieħa, bi Brandon Bray li wkoll wettaq doppjetta għal Birżebbuġa b’John Paul Barbara, Kayne Haber u Camilo Escobar li żiedu aktar gowls li minkejja kollox ma kinux biżżejjed biex isalvaw il-logħba.
La Playa de Arena mbagħad tilfu t-tielet logħba tagħhom kontra Ta’ Xbiex 4-3. Ta’ Xbiex kienu determinati li jirritornaw għar-rebħ u sabu lil Zvezdan Vukovic f’forma mill-aqwa meta skorja doppjetta b’Ryan Salli u Jeremy Cassar li għaqqdu l-iskor għat-tim tagħhom. Sheldon Mizzi, Karl Caruana u Daryl Micallef irrispondew għal La Playa de Arena.
Sliema Beach Soccer ġejjin f’tagħhom wara rebħa tajba ta’ 7-3 kontra Birżebbuġa Tigers. Mark Agius skorja erba’ gowls filwaqt li Vincenzo Margiotta, Kurt Mifsud u awtogowl ta’ Luke Attard żiedu aktar gowls għall-Blues. Brandon Bray skorja doppjetta għal Birżebbuġa b’Jorge Diaz iżid gowl ieħor għal Birżebbuġa.
KLASSIFIKA – NESTLE ICE CREAM BEACH SOCCER LEAGUE
Naxxar Lions, Ħamrun 12, La Playa de Arena 11, Birżebbuġa Tigers 6, Ta’ Xbiex Sports Club 5, Sliema Beach Soccer 3.
//= $special ?>