Malta qed tiffaċċja proċeduri legali fil-Qorti Ewropea għar-rimi ta’ drenaġġ mhux trattat fil-baħar
Il-Gvern ta’ Robert Abela mhu jagħmel xejn biex jindirizza l-problema tad-drenaġġ fl-ibħra Maltin, li qed iwasslu għat-tixrid tal-batterja E.coli, li tikkawża mard u infezzjonijiet perikolużi għas-saħħa tal-bniedem. Dan minbarra l-ħsara lill-ekosistema tal-baħar.
Dan kien il-messaġġ li ħareġ minn konferenza tal-aħbarijiet, fil-Bajja ta’ San Ġorġ, indirizzata mix-Shadow Minister Rebekah Borg u mill-kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Peter Agius, li fakkru kif ftit tax-xhur ilu, diġà kellna avviż simili dwar bajja f’San Pawl il-Baħar.
Anke l-Bajja ta’ San Ġorġ stess u l-Bajja tal-Balluta kienu ngħalqu s-sena li għaddiet. Magħhom kienu ngħalqu wkoll bajjiet f’Buġibba, f’Tignè Point, f’Birżebbuġa, fx-Xemxija u f’Pembroke.
Il-kelliema tennew li l-Gvern m’għandux pjan biex jindirizza din il-problema tant li issa sirna nafu li għad fadlilna tliet sjuf oħra bid-drenaġġ fl-ibħra tagħna. Hu għalhekk li, bil-ħidma tal-Partit Nazzjonalista fl-istituzzjonijiet Ewropej, jistgħu jkunu implimentati u inforzati l-istandards ambjentali tal-Unjoni Ewropea f’pajjiżna.
Fil-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja, fejn bħalissa għaddejja kawża kontra l-Gvern Malti, ir-rappreżentanti tal-Gvern qalu lill-Kummissjoni Ewropea li l-problema tad-drenaġġ fl-ibħra Maltin se ddum sal-2027 biex tissolva u biex allura, jallinja ruħu mal-liġijiet tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwalità tal-ilma. Dan jista’ jwassal biex pajjiżna jiffaċċja miljuni ta’ ewro f’multi minħabba l-inkompetenza u n-nuqqas ta’ viżjoni tal-Gvern.
Il-kelliema tennew li l-Membri Parlamentari Ewropej Laburisti jridu jżommu l-istandards Ewropej fuq il-karta għax jippreferu jgħattu lill-Gvern tagħhom minflok ma jħarsu l-interessi taċ-ċittadini. Min-naħa tagħha, il-Ministru Miriam Dalli qatt ma wieġbet jekk din il-problema hix tkun ikkawżata mill-fatt li s-sistema tad-drenaġġ mhix tlaħħaq.
F’Ta’ Barkat hemm impjant li jitratta d-drenaġġ u li kien għamlu l-Gvern Nazzjonalista. Sa ftit ilu, dan kien jaħdem perfettament, iżda dan l-aħħar, ir-residenti qed jaraw drenaġġ fil-baħar kważi l-ħin kollu. Wara l-problemi fil-provvista tal-elettriku s-sena li għaddiet, mhux eskluż li l-problemi fis-sistema tad-drenaġġ qed tikber minħabba ż-żieda esaġerata fil-popolazzjoni.
Preżenti għall-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm ukoll il-kandidati tal-Partit Nazzjonalista għall-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan.
//= $special ?>