Elezzjonijiet 2024

Il-programm elettorali tal-PN għal kull lokalità se jitqassam f’kull dar

"Robert Abela tilef il-kontroll tal-pajjiż"

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech fid-diskors tiegħu f’Santa Venera, beda billi ppromova l-programm elettorali tal-Partit Nazzjonalista, u spjega kemm dan il-programm juri biċ-ċar il-ħidma kbira li l-Partit Nazzjonalista jixtieq jagħmel fil-lokalitajiet. Il-Kap Bernard Grech kompla jgħid kif kull dar se tirċievi manifest separat għal kull lokalità.

Grech kompla jispjega kif qiegħed jistieden lill-votanti jaraw dan il-programm,u jeżaminaw il-proposti indirizzati lilhom, u fit-8 ta’ Ġunju jiftakru f’dawn il-proposti. Huwa kompla jgħid li l-kunsiellera tal-Partit Nazzjonalista għandhom fiċ-ċentru tal-ħsieb tagħhom ir-residenti tal-lokal.

Bernard Grech fakkar ukoll f’dak li ġara fil-lokalità tal-Belt Valletta, u spjega meta l-Gvern tal-Labour għadda l-liġi biex il-mużika tkun tista’ tindaqq sa tard filgħaxija, kienu l-kunsilliera tal-Partit Nazzjonalsita li qabżu għar-residenti u għad-drittijiet tagħhom.

Huwa kompla jenfasizza li jekk wieħed irid li l-lokalità tiegħu titjieb, l-unika għażla trid tkun il-Partit Nazzjonalista, u bosta kandidati li se jkunu qed jikkontestaw mal-Partit Nazzjonalista huma kapaċi.

Grech tkellem ukoll fuq l-importanza li l-lokalitajiet jaħdmu id f’id man-negożji, u l-prijoritajiet taż-żewġ naħat ikunu mħarsa u rispettati. Huwa nnotta ukoll fuq il-bżonn ta’ titjib fejn jiħħol il-kontroll tat-traffiku, speċjalment fil-qalba tal-irħula. Bernard Grech tkellem fuq bosta problemi oħra li wieħed isib fl-irħula fosthom l-iskart, is-sigurtà u l-indafa.

Apparti minn hekk, ikkummenta wkoll kif Robert Abela mhux biss tilef il-kontroll tal-pajjiż, iżda saħansitra tilef il-kontrol tal-Partit tiegħu stress, u dan ifisser li Abela ma jistax ikompli jpoġġi liċ-ċittadin fiċ-ċentru tal-attenzjoni tiegħu.

Il-Kap Bernard Grech enfasizza kif Abela jinsab fi stat ta’ paniku, hekk kif il-poplu qiegħed juri iktar attenzjoni lill-Eks Prim Ministru Joseph Muscat milli lilu. Grech għal darb’oħra sfida lil Abela biex imur għand il-Kummissarju tal-Puluzija u jikxef il-provi li għandu.

Grech appella lill-Prim Ministru Robert Abela biex jimmatura u joffri politika serja u xierqa lill-poplu Malti, u fuq kollox ħeġġeġ lill-votanti li fit-8 ta’ Ġunju jagħrfu kif il-Partit Laburista ilu snin iqarraq bihom u jivvotaw għall-bida li hemm bżonn.