Il-kawża antika għat-twaqqif ta’ Stat tal-Palestina ngħatat stimolu sinifikanti bl-aħbar li l-Irlanda, in-Norveġja u Spanja għandhom jirrikonoxxu lill-Palestinjani bħala Stat mit-28 ta’ Mejju. Dan sar magħruf permezz ta’ stqarrijiet koordinati mit-tlett pajjiżi inkwistjoni.
L-aħbar hi importanti fi żmien meta r-reġjun tal-Lvant Nofsani għaddej mill-akbar kriżi u taqlib għal nofs seklu u meta l-gwerra bejn Iżrael u t-terroristi Palestinjani tal-Ħamas – li ilha għaddejja x-xhur – għadha ‘il bogħod ħafna minn konklużjoni.
Intant, Iżrael qed jagħmilha ċara li xejn mhu kuntent dwar dan l-iżvilupp. Dan waqt li t-Tmexxija fi Spanja qed tisħaq li d-deċiżjoni, min-naħa tagħha, mhix waħda kontra l-Iżraeljani jew favur il-Ħamas iżda sempliċi espressjoni ta’ rieda għall-paċi.
Fl-istess ħin, il-Prim Ministru Norveġiż, Jonas Gahr Store, qal li s-soluzzjoni bażata fuq il-kunċett taż-żewġ Stati – Iżrael u l-Palestina – hi l-unika alternattiva għall-kriżi li qed tinfirex madwar il-Lvant Nofsani.
Tkellem anki l-Prim Ministru Irlandiż, Simon Harris, li qal li r-rikonoxximent ta’ pajjiżu għall-Istat tal-Palestina għandu jgħin biex jinħoloq ‘futur ta’ paċi’.
Hu minnu li l-Irlanda kienet ilha tikkollabora ma’ Spanja dwar l-impenn lejn l-għarfien uffiċjali ta’ Stat tal-Palestina. Dan wara li l-Gvern Irlandiż kien ilu jagħmilha ċara li ma kellux jieħu din l-inizjattiva waħdu u li din kellha ssir b’koordinazzjoni mal-Istati oħrajn tal-UE ( li n-Norveġja ma tifformax parti minnha).
Ma setax jonqos li l-aħbar kellha tintlaqa’ tajjeb ħafna mill-Mexxejja Palestinjani – bil-PLO u Mahmoud Abbas, il-President tal-Awtorità Nazzjonali Palestinjana, ifaħħru ‘dan il-mument storiku’
Madankollu, il-Ministru Iżraeljan għall-Affarijiet Barranin, Israel Katz, bagħat għall-ambaxxaturi ta’ Spanja, in-Norveġja u l-Irlanda fost l-istqarrijiet li ‘huma kellhom jaraw il-filmati tal-attakki terroristiċi tas-7 ta’ Ottubru mill-Ħamas fl-artijiet ta’ Iżrael’.
Dawn kienu attakki bla preċedent karatterizzati bil-massakri ta’ familji u nies oħrajn innoċenti u li kien wassal, minnufih, għall-invażjoni ta’ Gaza mill-qawwiet ta’ Iżrael.
Fl-aħħar sigħat, kien ikkonfermat li Iżrael anki sejjaħ lura lill-ambaxxaturi u konsli għal Spanja, in-Norveġja u Spanja – bil-Ministru Katz jesprimi r-rabja tal-Gvern tiegħu bil-kumment li ‘l-istorja għandha tfakkar li dawn il-pajjiżi Ewropej iddeċidew biex jagħtu midalja tatd-deheb lill-qattiela tal-Ħamas’.
Iżrael, fl-istess ħin, qed jagħmilha ċara li mhux se jaċċetta l-iżvilupp qisu ‘xejn m’hu xejn’, bil-Ministru Katz jenfasizza li ‘il-pass ta’ dawn it-tlett pajjiżi ( lejn ir-rikonoxximent ta’ Stat Palestinjan) għandu jħalli l-konsegwenzi serji’.
Fil-preżent, talanqas 140 pajjiż qed jirrikonoxxu diġà lill-Istat tal-Palestina, iżda dawn ma jinkludux lill-Istati Uniti u r-Renju Unit.