Għall-Partit Nazzjonalista kull persuna tgħodd
Kunsill Lokali mmexxi minn maġġoranza Nazzjonalista jara li r-residenti ta’ San Ġwann ikollhom lokalità aħjar. Dan billi l-Partit Nazzjonalista qed jippreżenta diversi proposti pożittivi għalik. Għax għall-Partit Nazzjonalista, kull persuna tgħodd, kemm jekk toqgħod fil-qalba tal-lokalità, kif ukoll jekk toqgħod fil-periferija.
Dan kien il-messaġġ li ħareġ minn konferenza tal-aħbarijiet li saret fil-Kappara, indirizzata mix-Shadow Minister Albert Buttigieg u mill-President tal-Kulleġġ Kunsillieri Lokali tal-Partit Nazzjonalista Charles Bonello, li tennew kif il-Partit Nazzjonalista jemmen li l-Kunsilli Lokali għandu jkollhom l-awtorità li tixirqilhom bħala Gvern Lokali.
Il-kelliema qalu li f’San Ġwann, il-Partit Nazzjonalista jrid jara li jsir awditjar tal-kundizzjoni tal-bankini u jkun ifformulat programm ta’ tiswija. Barra minn hekk, issir evalwazzjoni tal-proġett Green Spaces biex jitnaqqas l-inkonvenjent żejjed u li ma jħassarx il-karatteristiċi tipiċi tal-lokalità.
Maġġoranza mmexxija mill-Partit Nazzjonalista tara li l-Kunsill Lokali jingaġġa ħaddiem tal-komunità biex iżur anzjani Ġwanniżi fl-istituzzjoni li qegħdin preżentement u lill-anzjani li jkunu għadhom jgħixu fi djarhom, kif ukoll Uffiċjal għar-Relazzjonijiet Pubbliċi biex jilqa’ lmenti u talbiet tar-residenti. Fl-istess waqt, issir ħidma biex terġa’ tinfetaħ l-Għassa tal-Pulizija u tinfetaħ Berġa tas-Saħħa.
Barra minn hekk, jitwaqqaf ukoll Kunsill tat-Tfal biex iħares ukoll l-interessi tat-tfal fil-komunità, kif ukoll kumitati li jaraw il-bżonnijiet ta’ zoni differenti bħall-Kappara, Taż-Żwejt u Monterosa Gardens. Jerġa’ jingħata l-ħajja l-Kumitat ta’ Wirt San Ġwann, li jgħin għaqdiet kulturali biex jipparteċipaw aktar fil-ħajja ta’ San Ġwann.
Il-kelliema spjegaw ukoll kif Kunsill immexxi minn maġġoranza Nazzjonalista jkompli ż-żjarat u l-ħarġiet kulturali u ta’ divertiment għall-anzjani f’mużewijiet, bini u siti storiċi, filwaqt li jżid il-faċilitajiet ta’ well-being u preżentazzjonijiet dwar is-saħħa tal-anzjani.
Finalment, il-Kunsill jesplora l-possibbiltà li jingħaqad ma’ Kunsilli viċini biex tinstab soluzzjoni dejjiema għall-problema tal-irwejjaħ iġġenerati mill-impjant tat-tarmak f’Tal-Balal, filwaqt li l-indafa ssir b’mod effettiv flimkien ma’ sistema ta’ immaniġġjar tat-traffiku aħjar biex jitnaqqas l-inkonvenjent lir-residenti.
//= $special ?>